Read in English.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-kandidat għal-elezzjoni ta’ mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne ma jafx x’qed jgħid meta jitlob investigazzjoni dwaru. Delia qal dan f’intervista li xxandret fuq l-istazzjon tar-radju tal-PN.
Saħaq li meta Chris Fearne ma jafx x’qed jgħid minħabba li PM ma jistax jinvestiga. Filwaqt li spjega s-separazzjoni tal-poteri Delia fakkar kif Robert Abela stess wieġbu lil Fearne meta qallu li biex wieħed ikun jifhem fis-saltna tad-dritt irid ikollu sfond legali u għaldaqtant il-Prim Ministru li jmiss għandu jkun avukat.
Dwar l-elezzjoni għat-tmexxija fil-Partit Laburista, Adrian Delia qal li ż-żewġ kontestanti qed jiggarantixxu “more of the same” u għaldaqstant mhu se jinbidel xejn fil-Partit Laburista. Qal li ż-żewġ kontestanti għadhom qed jappoġjaw lil Joseph Muscat wieħed bħala d-Deputat tiegħu u ieħor bħala l-avukat tiegħu.
Dwar il-kredenzjali li għandhom biex imexxu lil Malta, Delia qal li fil-professjoni huma tajbin iżda fil-politika t-tnejn li huma jirrappreżentaw kontinwità.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni politika u qal li persuni fin-negozju jinsabu inkwetati li dak kollu li bnew qed jisfaxxa fix-xejn. Qal li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed issir diffiċli li r-reputazzjoni ta’ Malta titranġa.
Dwar is-safar tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Delia qal li dak li suppost Prim Ministru caretaker qed idur id-dinja fl-aħħar jiem tiegħu fil-kariga.
Mistoqsi dwar ir-riżoluzzjonijiet għas-sena l-ġdida, Delia qal li jittama li din is-sena l-ġdida bħala pajjiż nibdew infiequ minn dak li ġara fl-2019. Qal ukoll li qed jittama li n-nies isiru iktar rigorużi fil-ġudizzju li jgħaddu u l-atitudni ta’ xejn mhu xejn tispiċċa. Saħaq li qed jistenna wkoll li r-responsabbiltà tintrefa’ minn kulħadd.
Hawnhekk huwa tkellem dwar il-bidla li skont Delia trid isseħħ fil-Partit Nazzjonalista ssir. Saħaq li trid issir riforma mhux biss statutorja imma bidla fl-atitudni. Qal li l-bidla ma tistax issir mit-tmexxija biss imma mingħand kulħadd. Qal li l-parti tan-nies hija li jaqraw u jsiru aktar infurmati. Qal li bil-kritika biss ma jsir xejn u għaldaqstant hemm bżonn aktar nies li jaħdmu biex issir bidla fil-partit.
Delia qal li l-faqar u l-kirjiet li jkunu affordabbli f’Malta huma realtà u l-kandidati Laburisti mhux jitkellmu fuqha.
Temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jrid jinfetaħ aktar u jilqa’ nies fi ħdanu li jista’ jirrappreżenta l-ideat tgħhom u jmexxihom ‘il quddiem.