Fearne jwiegħed parkeġġ b’xejn għal min ikollu appuntament l-isptar

Miguela Xuereb

Id-Deputat Prim Ministru u kandidat għat-Tmexxija tal-Partit Laburista qal li jekk jingħata l-fiduċja  bħala Mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru, minn Marzu dawk kollha li se jkollhom appuntament Mater Dei se jkunu qed jibbenefikaw minn parkeġġ b’xejn. Huwa kien qed jitkellem waqt intervista bħala kandidat għat-tmexxija.

Huwa qal li jekk jingħata l-fiduċja biex imexxi l-pajjiż, “minn Marzu li ġej, il-parking f’Mater Dei se jkun mingħajr ħlas. Se nibdew filgħodu fil-ħinijiet tal-outpatients, il-parking ikun mingħajr ħlas u l-parti tal-Emerġenza 24 siegħa, imbagħad eventwalment indaħħluh mingħajr ħlas anke għall-viżitaturi biex sal-aħħar tas-sena l-parking kollu f’Mater Dei ikun mingħajr ħlas,”

Huwa kkunsidrat li f’sena d-Dipartiment tal-Outpatients joħroġ aktar minn 500,000 appuntament li dawn mhux se jibqgħu jħallsu għall-parkeġġ. Fearne żied li jekk jingħata l-fiduċja, is-saħħa se tibqa’ prijorità tiegħu bħalma kienet tul dawn l-aħħar snin kemm ilu Ministru tas-Saħħa.

Fearne semma kif fl-aħħar snin taħt it-tmexxija tiegħu bħala Ministru tas-Saħħa sar ħafna xogħol fosthom, fil-listi ta’ stennija, il-mediċini out-of-stock u s-sodod fil-kuriduri li dawn nbidlu għal proġetti innovattivi bħalma hija r-robotika, u mediċini b’xejn.