Fearne jiċħad l-allegazzjonijiet ta’ Azzopardi dwar l-isptar il-ġdid

Miguela Xuereb

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-allegazzjonijiet li kumpanija kienet taf minn qabel dwar it-tender għall-isptar prefabricated kienu infondati.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Għawdex Chris Fearne qal li l-kumpanija li dwarha saru l-allegazzjonijiet ċaħdithom u li ma applikatx għat-tender.

It-Tnejn li għadda, il-Gvern ħareġ tender għall-installazzjoni ta’ prefabricated negative-pressure field hospital.

Il-MP tal-PN Jason Azzopardi allega li dan il-proġett kien skandlu. Fuq blogg fuq Newsbook.com.mt Azzopardi staqsa kif il-kumpanija Ġermaniża Roder f’Hessen intalbet minn TEC Ltd biex tagħti kwotazzjoni aktar minn ġimagħtejn ilu.

Fearne qal li ma jittollerax ċertu allegazzjonijiet imma fid-dawl tal-allegazzjoni ta’ Azzopardi qal li qabbad lill-Kap Eżekuttiv tas-CPSU biex jissospendi l-proċess tat-tender. Qabbad lis-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru tiegħu u lid-Dipartiment tal-Kuntratti biex jinvestigaw jekk kienx hemm irregolaritajiet.

Fearne qal li informa lill-Kabinett u li r-riżultati tal-analiżi amministrattiva għadhom ma ġewx ippubblikati.

L-aġġudikazzjoni għall-isptar il-ġdid prefabricated kienet twaqqfet wara l-allegazzjonijiet li saru mill-MP tal-PN Jason Azzopardi. Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne talab biex il-proċess jiġi sospiż biex jassigura li ma kienx hemm aġir ħażin. Fearne qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet wara li ġie mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar dan l-istess sptar.

Malta trid tibni sptar ġdid li jkun jista’ jesa’ aktar minn 90 pazjenti u ħaddiema fi ftit ġimgħat.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn