Filmat: Fearne jgħid li Għawdex hemm biżżejjed tobba

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex hemm biżżejjed tobba.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar rapporti fil-midja lokali li qalu li hemm nuqqas ta’ tobba f’Għawdex, Fearne qal li minn dejjem jiftakar li t-tobba Maltin kienu joffru s-servizzi tagħhom fl-isptar ta’ Għawdex. Fearne qal li kien ikun hemm min jaħdem hemm full-time u kien hemm min kien jitla’ biss għal xi sessjonijiet.

“Dak is-servizz baqa’ u se jibqa’. Però, aħna nixtiequ nżidu wkoll in-numru ta’ konsulenti full-time f’Għawdex” qal Fearne. Spjega li kien hemm sejħa għal seba’ konsulenti u li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed isiru l-intervisti għal min applika.

Mistoqsi biex jiċċara jekk hemmx nuqqas ta’ konsulenti f’Għawdex jew le, il-Ministru qal li issa n-numru ta’ konsulenti f’Għawdex se jiżdied b’mod sostanzjali.

“Issa nafu li se jiżdiedu servizzi ġodda u aħjar” qal Fearne, li spejga li jfisser li jrid ikun hemm ukoll żieda fil-professjonisti.