“Fearne għandu jippubblika l-fatti fuq il-qtugħ tal-elettriku” – L-Oppożizzjoni

L-Oppożizzjoni reġgħet appellat biex jiġu ppubblikati l-fatti kollha dwar għaliex inqata’ d-dawl numru ta’ drabi fl-aħħar ġimgħat. Insistiet li la l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ sieket, għandu jkun id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li “jgħid il-verità lill-poplu Malti.”

Fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, l-Oppożizzjoni tgħid li n-nies ġew imwiegħda l-aqwa żmien imma minflok qed jiġu mgħoddija bi żmien. Dan wara li lbieraħ filgħaxija u anke llum inqata’ d-dawl għal xi ħin f’diversi lokalitajiet.

Il-PN qal li t-tanker huwa “mhux biss simbolu tal-korruzzjoni li fniet lil dan il-Gvern iżda huwa proġett li falla.” Żied jgħid li bit-teknoloġija moderna tal-lum, faċli li wieħed ikun jaf liema vapur u xħin sar l-allegat inċident li vapur laqat l-interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija.

Skont l-Oppożizzjoni, il-poplu jrid ikun jaf min hu sid il-vapur u jekk ittiħdux passi kontrih.