Fearne fost l-aktar ministri mħabbtin bis-serq

CMRU

Read in English.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne huwa wieħed mill-Ministri l-aktar imħabbtin bis-serq mill-ministeri tagħhom, skont informazzjoni li ħarġet mill-Parlament.

Il-MP tal-PN Claudette Buttigieg staqsiet lil sitt ministri tal-Gvern dwar kemm saru rapporti ta’ serq mill-ministeri tagħhom mal-Pulizija bejn l-2017 u l-2019.

Fil-quċċata wieħed isib lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Qal li bejn l-2017 u l-2019 saru rapporti dwar 134 serqa.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li kien hemm sitt rapporti fl-2017, żewġ rapporti fl-2018, u 17-il rapport fl-2019. Spjegat li l-parti l-kbira tar-rapporti saru mill-Cleansing Department u li huma dwar serqiet ta’ dustbins u wheelie bins. B’kollox kien hemm 25 rapport.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li kien hemm tmien rapporti b’kollox. Kien hemm sitta fl-2017, wieħed fl-2018, u ieħor fl-2019.

Aaron Farrugia, il-Ministru għall-Ambjent qal li kien hemm ħames rapporti. Waħda saret fl-Awtorità tal-Ippjanar fl-2017 u erbgħa fil-Wasteserv fl-2019.

Kien hemm serqa waħda biss fl-2018 fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, skont il-Ministru Edward Zammit Lewis.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li ma ġew irrapportati l-ebda serqiet mill-ministeru u mid-dipartimenti tiegħu.

Serq f’postijiet oħra

Il-Pulizija qalet li l-aktar rapporti dwar serq f’residenzi jidħlu waranofsinhar. Instab ukoll li dawn il-postijiet is-soltu ma jkollhomx sistemi ta’ sigurtà. Kelliema għall-Pulizija qalet lil Newsbook.com.mt li bejn l-1 ta’ Awwissu tal-2018 u l-31 ta’ Awwissu 2019 kien hemm 923 serqiet minn residenzi. Fl-istess perjodu, l-aktar rapporti (429) saru waranofsinhar sat-8pm, it-tieni l-aktar (304) mis-6.01am sa’ nofsinhar, u l-inqas (190) filgħaxija wara t-8pm sas-6am.