F’Diċembru se jkunu għadhom bla uniformi kompluta

Ġenituri li uliedhom jattendu l-Kulleġġ San Nikola fir-Rabat, qalu ma’ Newsbook.com.mt li fadlilhom aktar minn xahar ieħor sakemm taslilhom il-kumplament tal-uniformi.
Waħda mill-ommijiet qalet li fl-ewwel ġimgħa ta’ Settembru ordnaw u ħallsu għall-uniformi sħiħa, li ngħatawlhom ftit ftit.
Spjegat li sa issa t-tifel għad m’għandux ġakketta, blazer u lanqas qalziet. Qalet li bħalissa t-tifel qed imur l-iskola b’qalziet griż li tathom il-kumpanija sabiex jiddubbaw bih, sakemm jaslu l-qliezet il-blu. Iddeskriviet l-ilbies li bih qed imorru t-tfal l-iskola bħala ‘karnival’.
Esprimiet id-diżappunt tagħha, meta ċemplet lill-kumpanija u kkonfermawlha li l-istokk ordnat kien wasal u ttieħed il-ħanut f’San Ġwann. Kienet iddiżappuntata ferm iktar x’ħin saret taf li wħud minn sħab it-tifel ma kinux ordnaw u ħallsu għall-partijiet tal-uniformi li kienu out-of-stock u meta marru l-ħanut tawhomlhom mingħajr diffikultà.
Omm oħra qalet li wara xahar u nofs, il-polo shirt ġdid li xtrat għall-uniformi ta’ binha, diġà beda jittaqqab. Qalet li tippreferi tħallas iktar u l-ħwejjeġ ikunu ta’ kwalità.
Missier, li ż-żewġ uliedu jattendu din l-iskola, sostna li kieku kien jaf li seta’ xtara l-uniformi minn ħwienet oħra, kien jagħmel hekk, għax hi tal-mistħija li l-uniformi tat-tfal se tasal meta jkun spiċċa l-ewwel term.  Qal li la s-supplier kien mgħarraf li rebaħ it-tender, seta’ ħaseb qabel.
Jidher ukoll li din il-ġimgħa, fil-ħanut tas-supplier f’San Ġwann, reġa’ kien hemm konfużjoni ta’ ġenituri u tfal, u fil-ħanut kien hemm żewġ impjegati biss.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, it-tender kien dejjem jingħata fi Frar, u din is-sena s-supplier ġie mgħarraf f’Lulju. Dan bil-konsegwenza, li partijiet mill-uniformi ma jilħqux jaslu fil-ħin.
Il-kumpanija awtorizzata mill-Gvern biex tissupplixxi l-uniformijiet għandha kuntratt ta’ ħames snin.