“F’dawn iż-żminijiet Alla huwa magħna u wieħed minna” – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jifhem li f’dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ pandemija li ħasdet eluf ta’ ħajjiet madwar id-dinja, wieħed jistaqsi fejn hu Alla, iżda assigura lill-Insara li Alla huwa “magħna u wieħed minna,” u dan jurih permezz ta’ Ġesù msallab għall-bnedmin.

Dan qalu waqt l-omelija tiegħu llum, fil-Ġimgħa l-Kbira fil-Kappella tal-Kurja fil-Furjana.

Stqarr li ħsiebu llum imur lejn iż-żewġ vittmi Maltin li tilfu ħajjithom minħabba l-coronavirus din il-ġimgħa, u t-350 persuna oħra li qegħdin jissieltu kontra dan il-virus qerriedi. Apparti dawn, l-Arċisqof semma wkoll lil dawk kollha li jħossuhom anzjużi u inċerti f’dawn iż-żminijiet u qegħdin jistaqsu fejn hu Alla f’dan kollu. Mons. Scicluna fakkar li anke Ġesù stess staqsa dan il-kliem, meta fuq is-salib qal, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (S 22:2).

It-tweġiba tal-Arċisqof għal dan kienet li, “Alla mhuwiex ’il bogħod; Alla f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa magħna u wieħed minna. ‘Bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard’ (Iż 53:3) Dan hu l-Iben ta’ Alla msallab għalina. Aħna żeblahnieh, sallabnieh.”

Huwa ħeġġeġ lill-Insara biex il-passjoni tal-Mulej isservi ta’ għajn ta’ saħħa u fejqan. Fakkar li l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù Kristu jfissru wkoll bidu ġdid, rebbiegħa ġdida simbolizzata mill-fwejjaħ li jissemmew fil-Bibbja li ttieħdu fejn indifen Ġesù.

L-Arċisqof temm l-omelija bil-messaġġ, “Aħna u naduraw ’il Mulej illum imsallab għalina, ejjew inħarsu lejh merfugħ ’il fuq u minnu nieħdu l-fejqan tal-pjagi kollha tar-ruħ tagħna filwaqt li nitolbu l-grazzja tal-fejqan u l-ħarsien għal pajjiżna u għad-dinja.”