“F’dan il-pajjiż meta ma taqbilx ma jittollerawkx” – Editur tat-Torċa

Victor Vella Peppi Azzopardi

Victor Vella, l-editur tat-Torċa sostna li fil-Gżejjer Maltin, jekk ma taqbilx mat-twemmin ta’ xi ħadd, id-diskors tiegħek ma jkunx ittollerat.
Sostna li l-poplu Malti u Għawdxi donnu ma jifhimx id-differenzi bejn patrijiet u qassisin, u kien għalhekk li bosta kienu pronti sabiex jakkużaw lill-Arċisqof.
Min-naħa tiegħu, il-preżentatur tat-TV Peppi Azzopardi saħaq li dawk li s-soltu kienu jippruvaw isikktu lill-Arċisqof milli jitkellem, issa qed jgħidu li Patri Mark Montebello għandu dritt jitkellem u ma kellux jiġi msikket.
Dan qaluh waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM waqt diskussjoni dwar il-każ taċ-ċensura ta’ Patri Mark Montebello u l-libertà tal-espressjoni.
Fl-argument tiegħu, l-editur tat-Torċa insista li kulħadd għandu dritt li jargumenta anke jekk dak li jkun ma jaqbilx miegħu.
Insista li bħala persuna hu kontra ċ-ċensura, spjega li hu anke artikli li forsi ma jaqbilx magħhom minħabba li jaħsibha b’mod differenti xorta jippublikhom. Sostna li jekk xi ħadd ikun se jagħmel argument li jista’ jqajjem kritika qawwija, hu jwissiħ dwar dan iżda ma jiċċensuraħx.
Dwar il-fatt li l-Arċisqof ġie akkużat b’xi ħaġa li m’għamilx, Peppi Azzopardi sostna li issa wasal iż-żmien li l-Arċisqof jitkellem ukoll dwar jekk hu jaqbilx jew le li jsir dan it-tip ta’ ċensurar fuq qassisin mill-provinċjali tagħhom.
Newbook.com.mt kien ħa l-kummenti ta’ tliet opinjonisti wara li l‑Arċisqof Charles Scicluna qal li avviċina lill‑Provinċjal tal‑Ordni Dumnikan Patri Frans Micallef u infurmah li jinsab dispost jgħin biex tinstab soluzzjoni sabiex Patri Mark Montebello jkun jista’ jkompli b’kitbietu.