F’ċertu sens il-pandemija kienet barka – L-Isqof Grech

Isqof Mario Grech f’intervista li għamillu Joe Huber għal magazine Flimkien jitkellem dwar l-għala f’ċertu sens il-pandemija kienet barka, dwar l-ittra pastorali li ried jikteb iżda qatt ma kiteb kif ukoll dwar il-ħatra tiegħu mill-Papa Franġisku bħala Prosegretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet.

F’intervista li kellek ma’ Alessandro Gisotti fit-30 ta’ Mejju, u f’ittra li bgħatt lis-saċerdoti tad-Djoċesi Għawdxija, int għedt li jkun suwiċidju jekk wara l-pandemija nerġgħu lura lejn il-mudelli pastorali ta’ qabel. X’ridt tgħid biha?

F’ċertu sens il-pandemija kienet “barka” għax kixfet ċertu faqar reliġjuż. Il-kotra kkuntentat ruħha bil-quddiesa fuq il-midja soċjali. Mhux qed ngħid li l-Ewkaristija mhix importanti; fil-fatt hija l-għajn u l-quċċata tal-ħajja Nisranija. Imma l-Ewkaristija mhix l-uniku mod kif wieħed jidħol f’relazzjoni ma’ Ġesù. Hemm modi oħra bħalma huma, fost l-oħrajn, il-kuntatt mal-Kelma ta’ Alla, il-karità u l-imħabba fraterna. Mhux Ġesù stess qalilna li fejn hemm tnejn jew tlieta jgħixu flimkien f’ismi, jien inkun f’nofshom? Il-Kardinal Martini darba kien qal li l-komunità Nisranija għandha tkun “komunità alternattiva” għall-komunità frammentata li teżisti llum fis-soċjetà. Issa l-fatt li meta l-knejjes kienu magħluqa aħna ma għarafniex niskopru dawn l-ispazji differenti fejn nistgħu nagħmluha ma’ Ġesù, jista’ jfisser li l-mudelli pastorali li ħaddimna sal-lum ma kinux effettivi. Għalhekk tkun ħasra jekk nerġgħu naqgħu għall-mudelli pastorali ta’ qabel.

X’tip ta’ Knisja tixtieq li jkun hawn?

Niftakar tajjeb li meta sirt isqof xtaqt li l-ewwel ittra pastorali tiegħi tkun propju dwar x’inhi l-Knisja llum. Ma ktibthiex, imma matul l-episkopat tiegħi ħafna drabi tkellimt dwar dan is-suġġett. Nemmen li l-Ispirtu s-Santu permezz tal-Konċilju Vatikan II tana linji ċari dwar kif għandha tkun il-Knisja f’din l-epoka li qed ngħixu.

Neħtieġu Knisja sinodali qabelxejn fil-ħajja interna tagħha, jiġifieri Knisja fejn il-poplu ta’ Alla kollu għandu jsib spazju fejn isemma’ l-vuċi tiegħu u allura ma tibqax Knisja ‘klerikali’. Diġà jeżistu strutturi fi ħdan il-Knisja biex ikun hemm din il-parteċipazzjoni tal-imgħammda kollha (bħall-kunsill parrokkjali, il-kunsill pastorali, il-presbiterji parrokkjali, il-kummissjonijiet, eċċ.). Apparti li hemm diversi komunitajiet li lanqas biss jafu b’dawn l-esperjenzi, nibża’ li anke fejn jeżistu dawn l-istrutturi pastorali aktar humafora fejn wieħed jikkomunika t-tagħrif milli fejn isir dixxerniment flimkien.

Imbagħad, nixtieq nara Knisja li tħaddem dan l-atteġġjament sinodali kemm ma’ Nsara oħra li mhumiex Kattoliċi (ekumeniżmu), ma’ persuni li għandhom twemmin ieħor, kif ukoll ma’ dawk li jgħidu li ma għandhom ebda twemmin. Fi kliem ieħor, Knisja li ma tibżax tidħol fi djalogu mad-dinja u tisma’ anke lid-dinja. Imma biex niftħu dan id-djalogu hemm bżonn nagħmlu fine tuning tal-ħsieb tagħna, ta’ kliemna u tal-istess attitudnijiet tagħna.

Fissrilna fuq fuq il-ministeru ġdid tiegħek fil-Knisja.

Id-dekasteru li fdali l-Papa huwa responsabbli biex jorganizza s-Sinodu tal-Isqfijiet li normalment jiltaqa’ darba kull tliet snin. F’dan is-Sinodu jieħdu sehem l-Isqfijiet tad-dinja kollha. Huwa l-Papa li jsejjaħ is-Sinodu u jipproponi t-tema li tkun se tiġi diskussa. Fi ftit kliem, l-Isqfijiet fis-Sinodu jgħinu lill-Papa biex issir riflessjoni teoloġika kif ukoll pastorali. Meta ftit iktar minn 50 sena ilu l-Papa Pawlu VI waqqaf is-Sinodu tal-Isqfijiet kien sejjaħlu “kunsill permanenti speċjali” tal-Papa. Infatti, filwaqt li l-kongregazzjonijiet tas-Santa Sede huma taħt ir-responsabbiltà ta’ “prefett”, fil-każ tas-Segreterija Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet il-president huwa l-Papa nnifsu. Huwa jippresiedi l-laqgħat tal-Kunsill fi ħdan is-Segretarjat kif ukoll is-seduti kollha li jkun hemm waqt is-Sinodu.

Huwa l-uffiċċju tagħna li jrid jieħu ħsieb iħejji d-dokumenti preparatorji għas-Sinodu u l-konsultazzjoni ta’ qabel is-Sinodu. Imbagħad, meta jintemm is-Sinodu u l-Papa jagħtina l-Eżortazzjoni Appostolika li tkun il-konklużjoni tas-Sinodu, l-uffiċċju tagħna jara li jkun hemm l-implimentazzjoni ta’ din l-Eżortazzjoni. Minbarra dawk li jissejħu “sinodi ordinarji”, li jiġu ċċelebrati kull tliet snin, hemm ukoll “sinodi speċjali”, bħal dak li sar is-sena l-oħra dwar l-Amażonja, u sinodi straordinarji, bħal dak li kien sar fl-2014 dwar il-familja.

Allura minn Ottubru li ġej ir-residenza permanenti tiegħek se tkun fil-Vatikan?

Iva, minħabba n-natura ta’ din il-missjoni, kontra qalbi jkolli nħalli l-gżira sabiħa ta’ Għawdex biex ngħix hemm.

Kif qed tħejji ruħek għal din il-kariga li ġġorr piż u responsabbiltà kbira?

Xi ftit nista’ nimmaġina dan il-piż, imma jien konxju ukoll mil-limiti tiegħi. Dan għedtu lill-Papa meta sejjaħli f’Settembru 2019 biex jagħmilli l-proposta. Però fl-istess ħin jien dejjem emmint li ladarba Alla jagħtina sejħa, mhux sejjer ma jagħtiniex il-grazzja biex inkunu nistgħu nwettqu mill-aħjar il-missjoni li jkun fdalna. Għamilt din l-esperjenza tal-qawwa tal-grazzja fil-ħmistax-il sena li kont responsabbli mit-tmexxija tad-Djoċesi f’Għawdex.

Bħala Isqof ġarrabt xi tfisser dik li tissejjaħ “grazzja tal-istat”. Għalhekk jien fiduċjuż li anke issa Alla jipprovdili. Naturalment jien konxju wkoll li aħna rridu nagħmlu l-parti tagħna. Allura apparti li qed ninteressa ruħi aktar fil-letteratura teoloġika dwar il-Knisja sinodali, naf li hemm nies ta’ formazzjoni teoloġika u esperjenza pastorali lesti biex jgħinuni. Illum aktar minn qatt qabel nemmen li ma nistgħux ma nkunux “sinodali”, fis-sens li għandna bżonn nisimgħu aktar lil xulxin u nimxu flimkien. Dan l-atteġġjament żgur itaffi l-piż tal-ministeru li se nidħol għalih.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

Flimkien Settembru Cover