“F’ċerti rqajja’ f’Għawdex, il-ħajja spiritwali hija assenti għalkollox” – l-Isqof Grech

Betty Bugeja

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech appella lill-Knisja f’Għawdex biex tieħu lil Marija f’qalbha għaliex “f’Marija għandna lil dik li emmnet li l-mewt mhix l-aħħar kelma” u għalhekk baqgħet wieqfa mimlija tama.

L-Isqof qal dan waqt l-Omelija fiċ-Ċelebrazzjoni tas-Siegħa tal-Omm li tiġi ċċelebrata kull sena fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu.

Huwa qal li qed jagħmel din l-istedina għaliex iħoss li hemm biss sinjali ta’ mewt. Saħaq li f’ċerti rqajja’ jara li l-ħajja spiritwali hija assenti għalkollox, anki jekk jitperrċu kostumi reliġjużi.

Huwa staqsa x’jiswa li jkollna tempji mlibbsa sabiħ u niġru bl-Irxoxt fuq spallejna jekk Kristu Rxoxt ma jheżżiżx ħajjitna.

Din l-istedina nagħmilha bil-qawwa lill-Knisja f’Għawdex li f’ċerti partijiet tagħha, jiddispjaċini ngħid, hemm biss sinjali ta’ mewt – f’ċerti rqajja’ nara li l-ħajja spiritwali hija assenti għalkollox, anki jekk inperrċu kostumi reliġjużi. X’jiswa li jkollna tempji mlibbsa sabiħ u niġru bl-Irxoxt fuq spallejna jekk Kristu Rxoxt ma jheżżiżx ħajjitna? Kieku mhux għax bħal Marija u bl-għajnuna ta’ Marija nibqa’ nistenna sakemm jiġi anġlu u jgerbeb il-blata tqila li qed timblokka l-ħajja Kristjana, kieku naqta’ qalbi minn din il-Knisja!

“Illum is-Sibt, Ommna Marija kienet fejn il-qabar ta’ Binha”

Fl-okkażjoni tas-Sena Marjana, l-Isqof Grech qal li kif tispjega t-teoloġija Kattolika, omm Ġesù u ommna kienet fejn il-qabar tiegħu.

L-Isqof Grech ikkwota lil Girgor Palamas (1296-1359), li huwa meqjus bħala l-akbar teologu fil-Knisja ta’ Biżanzju, fejn qal li fejn il-Bibbja ssemmi li “l-għada s-Sibt maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar”, Marija l-oħra hija Marija, Omm Ġesù u Omm tagħna.

Qal li fil-quddiesa tal-lum nisimgħu kif “Marija kienet ħdejn il-qabar ħerqana tistenna lill-Iben tagħha jqum”. Jispjega dan billi jqabbel ma ‘ dak li għamlu d-dixxipli li b’mod differenti minnhom, Marija emmnet lil Ġesù meta qal li kien ser iħott it-Tempju u fi tlett ijiem jerġa’ jibnih.

L-Isqof temm jgħid li “f’dan il-Jum ta’ skiet kollu fwieħa, m’għandniex nibżgħu nieħdu lil Marija fostna.