“F’bir ta’ skieken l-inkjesti tal-korruzzjoni u tal-assassinju ta’ Daphne” – PN

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-inkjesti dwar il-korruzzjoni u l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia se jispiċċaw f’bir ta’ skieken.

Fi stqarrija, il-PN insista li dan minħabba li l-inkjesti se jaqgħu lura bil-ħatriet li se jsiru.

Irrimarka li l-Gvern se jaħtar tliet imħallfin ġodda u tliet avukati biex iservu ta’ maġistrati. Saħaq li xorta se tibqa’ l-problema li l-ġustizzja mhux se ssir fi żmien raġjonevoli.

B’referenza għall-kumment li sar mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, li ammetta li l-kawżi tal-appell qed idumu ma jinqatgħu, il-PN stiednu biex jara li jkun hemm full compliment fl-imħallfin.

Filwaqt li qal li l-għadd ta’ mħallfin huwa marbut għal 24 u l-Prim Imħallef b’emenda li saret fl-2014 mill-Gvern, il-PN saħaq li n-numru ta’ maġistrati mhux marbut bil-liġi.

Il-PN ikkritika li sal-lum il-maġistrati għadhom ma ġewx mifruda minn maġistrati inkwerenti u maġistrati li jisimgħu u jiddeċiedu l-kawżi sabiex jitħaffef il-proċess.

Malta għandha l-inqas numru ta’ imħallfin per capita fl-Ewropa. L-Ewropa wriet it-tħassib tagħha li n-nies jispiċċaw jistennew snin sakemm issir ġustizzja magħhom.