F’Barċellona jappellaw biex tinbidel il-liġi dwar l-istupru

Attivisti favur id-drittjiet tan-nisa fi Spanja qed jappellaw biex ikun hemm tibdil fil-liġi wara fil-Qorti f’Barċellona ħamest irġiel ġew meħlusa li stupraw tfajla ta’ 14-il sena. Il-Qorti iddeċidiet li l-irġiel ma użawx vjolenza u għalhekk ikkundannathom bejn 10 u 12-il sena ħabs għax sabithom ħatja t’abbuż sesswali u mhux ta’ stupru.

L-irġiel li kollha wieġbu li mhumiex ħatja stupraw lit-tfajla wieħed wara l-ieħor wara li ħarġu minn festin f’Manresa, f’Ottubru tal-2016. Huwa ġew akkużati b’abbuż sesswali u mhux stupru għax il-vittma kienet taħt l-effett tal-alkoħol u ma rreżistitx l-abbuż u l-irġiel ma kinux vjolenti magħha.

Is-Sindku ta’ Barċellona Ada Colau fuq Twitter uriet id-diżapprovazzjoni tagħha. Hija qalet li minkejja li mhijiex avukat u ma tafx kemm-il sena ħabs persuna għandha tiġi kkundannata, hija ċara li dan kien każ ta’ stupru u mhux abbuż.