Faxxa sewda mal-bibien tal-ispiżeriji

Faxxa drapp mal-bieb ta’ barra u żigarella sewda fuq il-pavru tal-lab coat huma s-simboli ta’ protesta simbolika li qiegħda ssir mill-Kamra tal-Ispiżjara fid-dawl taż-żieda qawwija fil-każijiet pożittivi għall-COVID-19 wara tneħħija tar-restrizzjonijiet f’Ġunju li għadda.

Din il-protesta simbolika bl-isem ta’ #spiżjaraluttu tħabbret mill-Kamra tal-Ispiżjara permezz ta’ stqarrija. Il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li huma appoġġjaw pubblikament il-pożizzjoni li ħadu l-MAM u l-MAPHM, u qablu kif ukoll mal-miżuri kollha li ttieħdu mill-Ministru għas-Saħħa u s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.

Il-Kamra kkundannat it-tkaxkir tas-saqajn, immaturità u l-attitudni ta’ nuqqas ta’ rispett u ta’ kummenti mhux f’posthom.

Fl-istqarrija l-Kamra tal-Ispiżjara qalet li din il-kampanja #spiżjaraluttu hija l-ewwel pass ta’ kampanja strutturata ta’ protesta li se tibqa’ fis-seħħ u teskala skont il-bżonn u skont kif tevolvi s-sitwazzjoni.

Il-Kamra qalet li f’din l-kampanja se tibqa’ għaddejja sakemm il-Kamra tal-Ispiżjara tkun sodisfatta li qed jittieħdu l-miżuri li jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika u l-ħarsien tas-saħħa tal-ispiżjara u tal-front liners, tan-nazzjon u tal-vulnerabbli. Dawn il-miżuri għandhom ikunu konformi mal-pariri mediċi u tal-esperti tas-saħħa pubblika. Il-Kamra żiedet li filwaqt li hija konxja tal-bżonnijiet ekonomiċi tal-pajjiż, is-saħħa tal-poplu ma tistax tiġi wara l-ekonomija.

Din id-direttiva daħlet fis-seħħ indefinittavament mill-Ħamis 27 t’Awwissu fit-8am.