Awdjo: F’attivitajiet għall-karità m’għandhiex tiddaħħal il-politika – Uffiċċju tal-President

F’kumment li għaddiet waqt il-programm Pierre & Co fuq radju RTK, Marika Mizzi, il-kelliema għall-Uffiċċju tal-President qalet illi meta tidaħħal il-politika f’attivitajiet ta’ għaqda nazzjonali għall-karità, ikunu n-nies fil-bżonn li jbatu.

Din kienet l-ewwel reazzjoni għal dak li ġara waqt Rockestra nhar is-Sibt li għadda meta numru ta’ nies fl-udjenza ibbuwjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Marika Mizzi kompliet li in-nies li jibbenefikaw minn attivitajiet organizzati mill-Uffiċċju tal-President bħar-Rockestra, huma nies li jbatu ħafna.

Hija qalet li l-poplu Malti għandu jħossu kburi li jagħti sehmu u jingħaqad f’attivitajiet bħar-Rockestra.

Għar-Rockestra ta’ din is-sena attendew iktar minn 12,000 persuna u nġabru mal-€120,000 għall-Community Chest Fund.

Wara din l-attività kien hemm iktar minn 200 voluntier, apparti l-kantanti u l-mużiċisti tal-Orkestra Nazzjonali li ħadu sehem b’mod volontarju.