Fatta u deċiża li se jinbena inċineratur tal-iskart – PD

Il-Partit Demokratiku ddeskriva d-deċiżjoni li jinbena l-Waste Incinerator Project bħala waħda fatta u deċiża.
Fi stqarrija, il-PD irrimarka li l-inċinerazzjoni tal-iskart tfisser li terz tiegħu jispiċċa jsir ġmied perikoluż u ġmied potenzjalment tossiku li jrid jew jintradam, jew jiġi esportat.
Il-partit qed jilmenta wkoll dwar kif fi kliemu l-Prim Ministru rrifjuta li jaħtar membru tal-Partit Demokratiku fuq il-Bord għar-Reviżjoni tal-Ippjanar Strateġiku.
Stqarr li soluzzjonijiet teknoloġiċi bħal dawn għall-problemi attwali jfissru li l-Gvern qed jammetti li ntilfet il-ġlieda biex irawwem lill-poplu jiġġenera inqas skart.
Bħala soluzzjoni, il-Partit Demokratiku jemmen li l-pajjiż għandu jibda billi jrawwem tibdil fl-istil ta’ ħsieb tal-poplu dwar l-iskart u jiġu implimentati policies tajbin.
Ħeġġeġ ukoll lill-Gvern biex jaddotta metodi aktar strutturati billi jiġu kkunsidrati l-impatti ambjentali u soċjali ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed.