Fastidju sesswali: “Investigati 7 każi biss”; qbil bejn in-nisa tal-PL u l-PN

Fl-aħħar xhur għadd ta’ nisa, iżda anke rġiel, qamu jsemmgħu leħinhom kontra l-fastidju sesswali u l-oppressjoni fuq il-post tax-xogħol.
Newsbook.com.mt ħa l-inizjattiva u staqsa għaqdiet tan-nisa f’Malta jekk wasalx żmien li anke f’pajjiżna jkun hawn proġett jew front wieħed komuni biex persuni, irġiel u nisa, vittmi ta’ fastidju sesswali, ma jibżgħux jitkellmu u jsibu l-għajnuna neċċesarja.
Fost dawn, Newsbook.com.mt tkellem ma’ nisa u politiċi miż-żewġ partiti ewlenin u qablu li fuq din il-kwistjoni ma għandux ikun hemm aħmar jew blu iżda għandu jkun hemm ħidma waħda għall-ġid tas-soċjeta.
“Il-liġijiet ma jiswewx jekk ma jkunx hemm kuxjenza” – Nisa Laburisti
Claudette Abela Baldacchino, f’isem in-Nisa Laburisti, qalet li proġetti simili huma bżonnjużi għax għalkemm jista’ jkollok l-aqwa liġijiet, ftit li xejn ikunu jiswew jekk ma jkunx hemm kuxjenza dwarhom u l-poplu ma jkunx mgħarraf dwar kif dawn jipprotteġuh u x’passi jista’ jieħu.
Abela Baldacchino saħqet li mill-informazzjoni li għandha, hemm ħames rapporti quddiem il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u żewġ każijiet biss għaddejin quddiem it-Tribunal Industrijali.
“Nemmnu li dan ma jirriflettix il-kobor tal-problema fir-realtà. Għalhekk inħeġġu kemm kampanji ta’ kuxjenza u kemm studji dwar ir-realtà vera f’pajjiżna,” saħqet Abela Baldacchino.
Kompliet tgħid li quddiem kwistjonijiet bħal dawn ma hemmx lok għal politika partiġjana u għalhekk in-Nisa Laburisti lesti li jaħdmu mal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista kif ukoll ma’ entitajiet oħra.
“Bżonn ta’ aktar attivitajiet li fihom ikun involut kulħadd” – Kristy Debono
Min-naħa tagħha, id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Kristy Debono wkoll tkellmet fuq il-bżonn li titqajjem aktar kuxjenza u jkun hawn aktar attivitajiet li fihom ikun involut kulħadd minn kull sfera tas-soċjetà u minn kull partit politiku.
Fakkret li bħalissa fil-Parlament għaddejja diskussjoni dwar il-vjolenza domestika u l-Partiti politiċi qed jaqblu flimkien fuq il-punti ewlenin.
Tkellmet dwar nisa li huma vittmi iżda jibżgħu jitkellmu għax jibżgħu li ma jsibux il-protezzjoni. Fakkret li hawn jidħlu wkoll it-tfal u għaldaqstant saħqet li din hija katina fejn ħolqa torbot mal-oħra u għalhekk filwaqt li l-kuxjena hija importanti hemm bżonn ta’ ħidma inġenerali u b’mod olistiku.
Kristy Debono tkellmet fuq il-bżonn ta’ iżjed edukazzjoni għall-irġiel biex jirrispettaw aktar lill-mara u anke għan-nisa biex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ fastidju sesswali.
Insistiet li ma jistax ikun li tkompli l-kultura fejn li wieħed jgħaddi kummenti sesswali ssir kważi kważi xi ħaġa normali.
“Is-soċjetà ma tpoġġix dubju fuq l-irġiel” – Renee Laiviera
F’intervisti li sarulha fuq RTK, il-Kummissarju għall-Ugwaljanza Renee Laiviera spjegat kif nisa Maltin mhux qed jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż jew fastidju sesswali għax jibżgħu li ma jitwemmnux jew inkella jispiċċaw jieħdu t-tort huma.
Saħqet li dan hu riżultat ta’  soċjetà li ma tpoġġix dubju fuq ir-raġel imma minflok tistaqsi dwar l-aġir tal-mara, jew inkella saħansistra anke x’kienet liebsa.
Sal-ħin tal-pubblikazzjoni, Newsbook.com.mt kien għadu qed jistenna tweġiba mill-Konfederazzjoni għall-Għaqdiet tan-nisa.
Il-ġimgħa li għaddiet, aktar minn 300 attriċi, kittieba u diretturi tal-films ta’ Hollywood ingħaqdu flimkien fi proġett biex jiġġieldu l-fastidju sesswali fl-industrija tal-films u fil-postijiet kollha tax-xogħol.
Għal dawn wieġbet l-attriċi Franċiża Catherine Deneuve li f’ittra miftuħa ma’ 100 mara oħra saħqet li l-irġiel għandhom ikunu liberi li jersqu lejn in-nisa u wissiet dwar “puritaniżmu” ġdid li skonthom qed jerfa’ rasu wara l-aħħar skandli ta’ fastidju sesswali.