​Fastidju sesswali fuq nofs in-nisa Maltin minn meta għalqu l-15

Rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) juri li nofs in-nisa f’Malta esperjenzaw fastidju sesswali minn mindu kellhom 15-il sena.  
Barra minn hekk bejn 83 miljun u 102 miljun mara fl-Ewropa sofrew minn fastidju sesswali mill-istess età.  Minn dawn ftit jiġu rrappurtati, waqt li 35% tagħhom ma jgħidu lil ħadd dwar l-esperjenza li jkunu għaddew minnha.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli rreferiet għal dan l-istudju tal-FRA waqt konferenza tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) bit-tema Il-Fastidju Sesswali: fil-Post tax-Xogħol u fil-Kuntest Soċjali.  Insistiet li l-ugwaljanza ma tistax tinkiseb jekk ma jiġix indirizzat il-fastidju sesswali.
Ir-rapport jgħid ukoll li nisa bejn it-18 u d-29 sena għandhom riskju doppju li jkunu mira ta’ theddid u avvanzi offensivi fuq l-internet, minn nisa ta’ bejn l-40 u 49 sena, u tliet darbiet iktar minn dawk ta’ bejn 50 u 59 sena.
Jirriżulta wkoll li l-fastidju sesswali hu aktar komuni fost nisa b’edukazzjoni terzjarja u dawk f’pożizzjonijiet maniġerjali.  
Mid-dibattiti ħareġ li l-fastidju sesswali hu konsegwenza ta’ inugwaljanzi abbażi tal-ġeneru, li jirriżultaw f’abbuż, li għandu jitwaqqaf minn iktar edukazzjoni, għarfien, miżuri u strutturi, biex il-vittmi jirrappurtaw il-każijiet.
Il-Kummissarju tal-NCPE Renee Laiviera irrimarkat li minkejja li Malta hu pajjiż żgħir, hawn nisa li jsofru minn vjolenza fis-skiet.
Indirizzaw il-konferenza wkoll Dr Lara Dimitrijevic, li tmexxi l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa (WRF) u Dr Marceline Naudi, Lettur Anzjan fid-Dipartiment tal-Istudju dwar il-Ġeneru fl-Università ta’ Malta.  
L-NCPE tista’ tiġi kkuntattjata fuq 25903850 jew equality@gov.mt.