Farsons tkompli bl-istrateġija tat-tkabbir tagħha

Matul it-72 edizzjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Simonds Farsons Cisk, id-diretturi rrapportaw lill-azzjonisti li l-prestazzjoni tal-Grupp reġgħet tjiebet. Id-dħul tal-Grupp irreġistra żieda robusta ta’ 5% fuq is-sena ta’ qabel biex laħaq €99.8 miljun, filwaqt li l-qligħ attribwit lill-azzjonisti laħaq €15-il miljun, żieda ta’ 10% fuq is-sena l-oħra. L-azzjonisti approvaw id-dikjarazzjoni dwar dividend finali ta’ €3 miljuni biex b’hekk id-dividendi totali għas-sena finanzjarja 2019 żdiedu b’€400,000 għal €4 miljuni.

Iċ-Chairman ta’ Farsons, is-Sur Louis A. Farrugia, irrapporta dwar l-aspetti finanzjarji ewlenin tas-sena, li matulha l-kumpanija ċċelebrat ukoll id-90 anniversarju minn meta bdiet tipproduċi l-birra, li hi ġrajja importanti fl-istorja tagħha. Hu semma’ l-fatt li Farsons bdiet ir-restawr u r-riabilitazzjoni tal-Brewhouse l-Antika tagħha, liema ħidma qed tkun kkoordinata pari passu mal-Proġett tal-Business Park ta’ Trident Estates plc sabiex iż-żewġ proġetti jinfetħu fl-istess żmien fl-ewwel kwart tal-2021.

Is-Sur Norman Aquilina, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp, ta tagħrif dwar il-prestazzjoni mtejba tal-Grupp u tal-kumpaniji sussidjarji kollha tiegħu. “Minkejja t-tibdil kontinwu fis-suq u l-pressjonijiet kompetittivi li qed jiżdiedu, l-abiltà tagħna li b’mod konsistenti nirreġistraw  titjib sena wara oħra fir-riżultati tagħna qed tħeġġiġna biex inkomplu nwettqu l-viżjoni strateġika tagħna,” qal is-Sur Aquilina.

Bi tweġiba għall-pressjonijiet kompetittivi, il-Grupp ser ikompli jinvesti u jkun dejjem aktar innovattiv. “L-innovazzjoni issa hi stabbilita sew bħala pilastru ċentrali tal-viżjoni strateġika tagħna u f’kull azzjoni tagħna. Is-suċċess jeħtieġ li nkomplu naħdmu għalih il-ħin kollu u bla waqfien biex b’hekk, b’mod reżiljenti, inkomplu niksbu riżultati tajbin,” qal is-Sur Aquilina.

“Matul l-aħħar sena Farsons kompliet timplimenta inizjattivi fuq firxa tassew wiesgħa biex inwettqu r-responsabbiltajiet soċjali u ambjentali tagħna. Aħna ninsabu impenjati b’mod attiv ukoll fit-tħejjija għall-introduzzjoni tal-Beverage Container Refund Scheme. Din l-iskema se tara l-introduzzjoni ta’ depożitu obbligatorju fuq il-kontenituri tax-xorb, u ser iġġib magħha sfidi addizzjonali, b’mod partikolari fl-infurzar tagħha. Il-Grupp qed jappoġġja din il-miżura anke jekk l-Awtoritajiet għad għandhom ħafna x’jagħmlu biex iwettqu ekonomija ċirkolari aktar ekwa u rappreżentattiva b’mod wiesa’ fl-interess tal-ambjent kollu kemm hu,” qal is-Sur Aquilina.

Waqt il-laqgħa, kemm Dr Max Ganado kif ukoll is-Sur Roderick Chalmers ma kinux ikkontestati u nħatru mill-ġdid bħala Diretturi. Il-formazzjoni tal-Bord baqgħet l-istess.