Farsons tippromwovi s-saħħa fiżika u mentali

Bħal kull sena, Farsons reġgħet iddedikat ġimgħa għall-promozzjoni tas-saħħa, l-attività fiżika u s-saħħa mentali fost l-impjegati kollha tal-Grupp tagħha.
Din il-ġimgħa ta’ attivitajiet bl-isem ‘Change4Life’, li issa saret appuntament annwali, qed tittella bejn it-23 u s-27 ta’ Ottubru 2017, u matulha qed isiru għadd ta’ preżentazzjonijiet informattivi fuq suġġetti varji bħas-saħħa tal-mara, it-trobbija tat-tfal, l-importanza tal-ħsieb pożittiv, kif ukoll preżentazzjonijiet fuq tekniċi għat-tnaqqis tal-istress tax-xogħol bis-saħħa tal-meditazzjoni u l-eżerċizzji tal-moħħ. Qed isiru wkoll sessjonijiet ta’ terapija bil-massaġġi, joga, proviżjon ta’ kolazzjonijiet sustanzjużi u ngħataw ukoll sussidji fuq ikliet tajbin għas-saħħa mill-canteen tal-kumpanija.
Is-Sur John Attard, , Employee Relations and Security Manager f’Farsons, qal li “Qed naħdmu ħafna biex inżidu l-kuxjenza fuq l-importanza tas-saħħa fost in-nies tagħna, u nisħqu kemm nistgħu fuq is-saħħa mentali u l-eżerċizzji tal-moħħ li jgħinu lill-impjegati tagħna jħossuhom aktar kunfidenti u f’saħħithom mentalment biex jilqgħu l-isfidi tax-xogħol b’mod pożittiv.”
Il-flus li nġabru mill-kolazzjonijiet u mis-sessjonijiet tat-terapija marru għal Puttinu Cares u Hospice Malta.
Barra minn hekk, l-impjegati tal-Grupp Farsons appoġġjaw ukoll il-Pink October u l-kampanja Breast Cancer Awareness billi, it-Tnejn 23 ta’ Ottubru, libsu roża u ġabru l-fondi b’risq l-Hospice Malta.