Farsons tinvesti €27 miljun f’faċilità tal-ippakkjar

Waqt żjara tal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-fabbrika fl-Imrieħel, iċ-Chairman ta’ Simonds Farsons Cisk, Louis Farrugia u l-Kap Eżekuttiv Norman Aquilina ħabru li l-kumpanija se tagħmel investiment ta’ €27 miljun f’faċilità ġdida għall-ippakkjar.
Farsons timpjega aktar minn 800 ħaddiem.
Matul dawn l-aħħar snin il-kumpanija Farsons investiet €50 miljun għall-faċilità tal-ippakkjar, ċentru loġistiku u ‘bewhouse’ ġdida.
Intqal li l-kumpanija trid li matul il-ħames snin li ġejjin iżżid bi tliet darbiet il-volum tal-esportazzjoni minn 6% għal 17%.
Is-sena li ghaddiet, Farsons esportat 371 kontejner lejn l-Ewropa, l-Afrika u l-Ażja u nlaħaq profitt ta’ €77 miljun.
Meta dan l-investiment ikun lest Farsons se tkun investiet €80 miljun ewro fuq medda ta’ tmin snin.
Saru wkoll investimenti oħra speċjalment fil-qasam tal-enerġija biex jonqos il-konsum.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-obbligu tal-Gvern huwa li tonqos il-burokrazija għal min irid jinvesti filwaqt li jonqsu l-ispejjeż.
Spjega kif il-pjan għall-enerġija se jwassal biex il-kontijiet tal-enerġija għall-industrija jonqsu b’25%.
Il-Prim Ministru qal li dan l-investiment huwa turija ta’ fiduċja fl-ekonomija Maltija.
Enfasizza kif Malta Enterprise kienet strumentali biex dan l-investiment seta’ jsir u qal li huwa pass importanti biex prodotti tradizzjonali Maltin jidħlu fi swieq ġodda. 
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru matul din iż-żjara kien hemm ukoll is-Segretarji Parlamentari Michael Farrugia u Edward Zammit Lewis.