Farsons tfakkar l-ewwel birra f’Ħal Qormi, 90 sena ilu

Il-Birrerija Farsons iċċelebrat id-90 sena anniversarju minn meta f’April tal-1928 għamlet l-ewwel kunsinna tal-birra tagħha, Farsons Pale Ale, f’Ħal Qormi, għall-festa ta' San Ġorġ, u biex titfakkar din l-okkażżjoni storika sar riċeviment fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi. 
Waqt li enfasizza s-sinifikat ta’ Ħal Qormi fl-istorja ta’ Farsons, iċ-Ċermen tal-Grupp Farsons, Louis A Farrugia ta ħarsa lejn mumenti storiċi matul dawn id-disgħin sena, li jorbtu  lill-kumpanija ma’ din il-lokalità. Waqt li għamel xebħ bejn il-ħami tal-ħobż, li għalih Ħal Qormi hu magħruf sew, u l-birra, is-sur Farrugia spjega li l-birra xi kultant hi deskritta bħala "ħobż likwidu" (liquid bread). Bħal fil-każ tal-ħobż Malti, it-tliet ingredjenti ewlenin tal-birra huma l-ħmira, il-qamħ u l-ilma. Kemm il-ħobż kif ukoll il-birra, fit-tħejjija rispettiva tagħhom, jeħtieġu ukoll il-ħin biex jiffermentaw.    
“Kemm Ħal Qormi kif ukoll Farsons għaddew minn xi żminijiet ta’ sfida matul l-aħħar seklu. Għall-bidu, il-familja Farrugia kellha magna tad-dqiq (flour mill) u fabbrika tal-għaġina fil-Ħamrun, iżda meta din il-magna tad-dqiq sfat meqruda fir-rewwixta tas-Sette Giugno fl-1919, il-fabbrika nbidlet f'faċilità li tipproduċi l-carbon dioxide, u sar jisimha L. Farrugia and Sons Ltd,” spjega ċ-Chairman ta’ Farsons.
L-ewwel birrerija tagħhom fil-Ħamrun kienet l-ewwel waħda għal Malta. Dan kien pass qalbieni  u innovattiv fl-istorja ekonomika u industrijali tal-pajjiż.      
Hekk kif Ħal Qormi żviluppa u kiber, tant ieħor kibret il-birrerija Farsons. Fl-1929, il-brewers H. G. Simonds ingħaqdu ma’ Farsons, filwaqt li fl-1948, The Malta Export Brewery – li kienet qed tipproduċi l-birra popolari ‘Cisk’ Lager – ingħaqdet ma' Simonds Farsons, u b’hekk  iffurmaw Simonds Farsons Cisk Ltd.
Is-sur Farrugia ta ġieħ lil missieru, Lewis Victor Farrugia, li kien perit, u li kien hu li ddisinja l-pjanta tat-tieni birrerija tal-kumpanija fl-Imrieħel. Din il-binja storika llum qed titqies bħala parti mill-wirt industrijali storiku ta’ Malta. Bħalissa, din il-binja qed titwieled mill-ġdid bħala Park Kummerċjali tal-ogħla standard, immexxi minn Trident Estates plc. Is-sur Farrugia fakkar ukoll fil-mibki Anthony Miceli Farrugia, li ħa f’idejh it-tmexxija tal-kumpanija wara l-mewt għall-għarrieda ta’ Lewis V. Farrugia, u kien hu li fl-1952 ħareġ bl-idea ta' soft drink oriġinali bl-isem ta’ Kinnie.
Biex jitfakkar id-90 anniversarju, is-sur Farrugia ħabbar li Farsons qed jisponsorja sett ta’ pitturi tal-artist Daniel Scerri. Waħda minn dawn il-pitturi se tintuża bħala First Day Cover meta tkun ippubblikata mill- Maltapost f'Mejju. Għal bidu dawn il-pitturi se jkunu għall-wiri f'Dar Bjorn f’Ħal Qormi, u wara jitqiegħdu fl-uffiċċji tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi.