Farsons tespandi l-portafoll tal-inbid Amarone

Valpolicella, it-territorju qrib Verona fl-Italja fejn isiru nbejjed rinomati bħal Amarone u Ripasso, hija art ixxurtjata: għandha storja u leġġenda tad-dinja tal-inbid. L-istorja hi ta’ Giuseppe Quintarelli. Il-leġġenda hi Romano Dal Forno. Wara r-rappreżentazzjoni ta’ Giuseppe Quintarelli, Farsons Beverage Imports Company (FBIC) Limited imxiet pass ieħor u ġiet fdata biex tirrappreżenta Dal Forno Romano.
Romano Dal Forno ħa l-kontroll tal-art f’Valpolicella meta kellu 22 sena u malajr talab il-pariri tal-imgħallem ta’ Veneto, Giuseppe Quintarelli. Il-kwantitajiet minimi u l-għatx għall-kwalità u l-uniċità, kif ukoll l-għeneb mhux tas-soltu ma’ dak tal-varjetà Corvina, stabbilew il-familja Dal Forno bħala l-produtturi ta’ nbid partikolari mill-iżjed fin, magħmul mill-għeneb niexef – Amarone mill-aqwa, Valpolicella Superiore kumpless u  Passito ħelu. 
Il-leġġendarju Dal Forno rrakkonta hekk: “Meta kelli ħames snin kont qed ngħin lil missieri b’bagħal fl-għalqa tad-dwieli. Bilkemm stajt inlaħħaq biex nżomm ir-riedni! F’daqqa waħda tajjarli s-sandli żgħir li kont liebes. Għadni niftakar ir-ringiela tad-dwieli li kont wasalt fiha. Meta titwieled fil-kampanja tibqa’ tħoss il-ġibda li tressqek dejjem lura lejn artek għal ħajtek kollha. Għalhekk tirritorna f’dar missierek… il-memorji huma mnaqqxa f’dawk ir-ringieli.”
L-art impressjonanti ta’ Dal Forno qiegħda fl-għoljiet ta’ Monti Lessini u tipproduċi ftit mill-iżjed inbejjed rebbieħa tal-Italja, b’fama internazzjonali. Il-fabbrika tal-inbid hi mmexxija mill-familja; minn Romano u martu Loretta mat-tliet subien tagħhom Michele, Marco u Luca, u maz-ziju Cesare u l-kuġin Matteo, li huma ħaġa waħda fl-operat tagħhom. Minn meta Romano ħa n-negozju ta’ missieru, il-produzzjoni naqset sew. Produzzjoni żgħira ta’ 25 ettaru ta’ art imħawla bid-dwieli. Biex tipproduċi flixkun wieħed Valpolicella trid il-frott ta’ sitt dwieli, u għal flixkun Amarone trid disa’ dwieli. Huwa propju għalhekk li qatt ma jkun hemm biżżejjed inbid biex jilqa’ għad-domanda.