Farsons jirreġistra €6.9 miljun profitt qabel it-taxxa

Simonds Farsons Cisk plc ħabbret li rreġistrat titjib fuq ir-riżultati rekord tas-sena ta’ qabel. Id-dħul tal-Grupp għas-sena finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Jannar 2014 kien ta’ €78.6 miljun, filwaqt li l-qligħ qabel it-taxxa kien ta’ €6.9 miljuni – żidiet rispettivi ta’ 2% u ta’ 6% fuq is-sena ta’ qabel.
Jirriżulta li l-qligħ żdied fis-setturi kollha tan-negozju tal-Grupp. Intqal li l-kuntest ekonomiku stabbli u sena oħra rekord fit-turisti li Malta wasslu għal dan il-qligħ.
Dan filwaqt li fil-Grupp ittieħdu diversi inizjattivi biex jitjiebu l-effiċjenzi u l-produttività.
Iċ-Chairman tal-Grupp, Louis A. Farrugia qal li t-titjib fil-profitt ma ġiex b’kumbinazzjoni imma hu r-riżultat tal-investimenti konsiderevoli, li b’kollox iqarrbu t-€30 miljun tul dawn l-aħħar ħames snin.