Farsons jirrapporta qligħ qabel it-taxxa ta’ €12.3 miljun

Il-Bord tad-Diretturi mhux se jipproponi dividend finali.

Simonds Farsons Cisk plc ħabbar ir-riżultati finanzjarji għas-sena li ntemmet f’Jannar 2020 f’ambjent ta’ suq dinamiku ferm u li dejjem qed isir aktar impenjattiv.

Id-dħul (turnover) tjieb b’4% fuq is-sena ta’ qabel, u issa laħaq il-€103 miljuni.  Iż-żidiet fid-dħul kienu fis-setturi tal-birer u tax-xorb tal-Grupp, kif ukoll minn tkabbir b’saħħtu fis-settur tal-bejgħ mill-franchises tal-ikel. Minkejja dan it-tkabbir fid-dħul, il-Grupp Farsons ra tnaqqis fil-qligħ qabel it-taxxa minn €14-il miljun tas-sena ta’ qabel għal €12.3 miljun is-sena li għaddiet.

Il-qligħ qabel it-taxxa ma laħaqx il-profitt tas-sena 2018 minħabba tnaqqis tal-marġini gross, iż-żieda meħtieġa fid-dispożizzjoni għall-indeboliment (impairment provision) relatata mat-trade debtor receivable balances, flimkien ma’ żieda fl-ispejjeż tal-pagi li seħħet b’mod partikolari minħabba kundizzjonijiet stretti tas-suq tax-xogħol.

Il-qligħ tal-Grupp wara t-taxxa kompla jitnaqqas peress li tqies li ma kienx xieraq li jiżdied aktar dak li jissejjaħ bħala r-recognised deferred tax asset. Fil-konfront tal-kriżi maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19, il-Bord tad-Diretturi se jkompli jagħti l-ogħla priorità lid-diversi stakeholders kollha tiegħu. Farsons intlaqat minn din il-kriżi meta kien f’pożizzjoni ta’ saħħa wara bosta snin ta’ investiment kapitali konsiderevoli u qligħ rekord. Barra minn hekk, minn meta faqqgħet il-COVID-19, il-Bord wettaq miżuri mmirati lejn il-protezzjoni u l-priservazzjoni tal-benesseri kummerċjali tal-Grupp Farsons billi ħa għadd ta’ miżuri li naqqsu l-ispejjeż u anki inizjattivi oħra.

Id-dħul qabel l-imgħax, it-taxxa, id-diprezzament u l-amortizzament (EBITDA) ammontat għal €22.7 miljun, tnaqqis marġinali ta’ 2% meta mqabbel mas-sena 2018. Is-self nett tal-Grupp żdied b’miljun ewro u l-gearing ratio żdied minn 23.4% għal 25.9%. L-ekwità totali tal-Grupp żdiedet minn €108 miljuni għal aktar minn €116 miljun li jirrifletti l-qligħ iġġenerat, nett mid-dividend li tqassam aktar kmieni matul is-sena.

L-Uffiċjal Eżekuttiv tal-Grupp Farsons Norman Aquilina, qal: “Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, jibqa’ essenzjali għalina li nkomplu niffokaw mill-qrib fuq il-livelli ta’ produttività u l-kompetittività ġenerali tagħna biex inkunu nistgħu nwieġbu bl-aħjar mod għall-kundizzjonijiet straordinarji li għaddej minnhom is-suq bħalissa. L-istrutturi tal-ispejjeż tagħna, flimkien mal-kapaċità tagħna li niksbu l-aqwa gwadann mill-investimenti li għamilna u l-attività ta’ valur miżjud, jenħtieġ li jkunu taħt reviżjoni kostanti biex b’hekk niżguraw li nżommu struttura produttiva bl-aktar spejjeż effiċjenti possibbli.

“Li tħabbar riżultati bħal dawn f’nofs din il-pandemija COVID-19 mhux biss iwassal biex ix-xenarju globali attwali jidher saħansitra aktar surreali u ta’ sfida, iżda din qed twassal għal realtà u modi ġodda ta’ għajxien. Dan kollu jirrikjedi li nkomplu nwettqu diversi bidliet strutturali u azzjonijiet korrettivi li huma meħtieġa biex insaħħu aktar il-mudell tan-negozju tagħna,” spjega s-Sur Aquilina.

Meta kkummenta dwar il-prestazzjoni tal-Grupp, iċ-Chairman tal-Grupp Farsons Louis A Farrugia, qal: “Is-saħħa eżistenti tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Grupp Farsons u l-varjetà tal-prodotti ewlenin tagħna, flimkien mal-miżuri li qed jittieħdu mill-maniġment matul żmien bħal dan bla preċedent, se jiżguraw ir-reżiljenza tagħna filwaqt li jappoġġaw l-ħidma tagħna tul iż-żmien diffiċli li għandna quddiemna. Jiddispjaċina li, minħabba l-ambjent inċert li għaddejjin minnu, il-Bord kontra qalbu kellu jikkonkludi li, fl-interess fit-tul tan-negozju, ma jkunx prudenti li jkun propost dividend finali f’dan iż-żmien. Il-prestazzjoni u l-prospetti futuri tagħna se jinżammu taħt attenzjoni kostanti u bir-reqqa. L-azzjonisti jistgħu jserrħu rashom li d-distribuzzjoni tad-dividendi se terġa’ tibda hekk kif meta jkun prudenti li jsir dan.”

Is-Sur Farrugia rrefera ukoll għall-proġett tal-Old Brewhouse, fejn irrapporta li sar progress fir-restawr u t-trasformazzjoni ta’ din il-binja f’uffiċini u f’ċentru ta’ divertiment li se jkollha attrazzjoni għall-viżitaturi li tinkludi l-istorja ta’ Farsons, pub tal-birra, brand store, kafetterija u Cisk Sky Bar. Dan il-proġett kien ippjanat flimkien mat-Trident Business Park li qed jitwettaq minn Trident Estates plc. Hi sfortuna li l-proġett intlaqat ukoll mill-implikazzjonijiet tal-COVID-19, iżda s-Sur Farrugia osserva ukoll li ż-żewġ proġetti kienu ppjanati bħala investimenti fit-tul.

Għas-sena finanzjarja (2019) taħt reviżjoni kien approvat dividend interim ta’ miljun ewro li jfisser €0.0333 għal kull sehem ordinarju fil-laqgħa tal-bord li saret fil-25 ta’ Settembru 2019 u dan tqassam lill-azzjonisti fis-16 ta’ Ottubru 2019.

Minħabba l-impatt fuq in-negozju tal-pandemija COVID-19 u l-inċertezza kkawżata fir-rigward taż-żmien neċessarju għal kull titjib fil-kriżi attwali u ta’ kwalunkwe rkupru minnha, il-Bord tad-Diretturi ma qiesx li hu xieraq f’dan iż-żmien li jirrakkomanda l-ħlas ta’ dividend finali lil-Laqgħa Ġenerali Annwali li jmiss li, b’mod proviżorju, s’issa hi skedata li ssir fil-25 ta’ Ġunju 2020, iżda li x’aktarx se tkun posposta għal data aktar tard minħabba s-sitwazzjoni attwali.

Dan il-kontenut imwassal minn Simonds Farsons Cisk plc