​Farrugia titlob vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia

Id-deputat Parlamentari f’isem il-Partit Demokratiku Marlene Farrugia saħqet li malajr kemm jista’ jkun, il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jitlob vot ta’ fiduċja għat-tmexxija tiegħu.
Fuq Facebook, Dr Farrugia qalet li l-pajjiż għandu bżonn aktar minn qatt qabel, Oppożizzjoni magħquda u ffukata.

Sostniet li mhux biżżejjed li kontinwament jiġi espost dak li jagħmel il-Gvern, iżda hemm il-ħtieġa li l-poplu jara li jeżisti gvern alternattiv, kredibbli, f’saħħtu u ppreparat biex jiggverna, minkejja li mill-Oppożizzjoni.
Temment tgħid li din il-kwistjoni għandha tiġi riżolta issa.
Fl-aħħar sigħat, il-ġurnal Malta Today żvela li Membri Parlamentari Nazzjonalisti kienu qed jikkunsidraw li jitolbu vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia.