Farrugia Sacco mhux se jibqa’ President tal-Kumitat Olimpiku Malti

L-imħallef Lino Farrugia Sacco jidher li mhux se jibqa’ president tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Dan wara li n-nominazzjonijiet għal din il-kariga għalqu it-Tlieta f’nofsinhar, u Farrugia Sacco ma tefax in-nomina tiegħu.

B’hekk, awtomatikament mhux se jibqa’ president ta’ dan il-kumitat wara madwar 14-il sena f’din il-kariga.

L-imħallef kien jinsab f’nofs kontroversja wara allegat każ ta’ korruzzjoni fil-bejgħ ta’ biljetti tal-logħob Olimpiku.

Madankollu, hu kien ċaħad l-allegazzjoni u kien preżenta dikjarazzjoni tal-Kumitat Internazzjonali tal-logħob Olimpiku li tgħid li Farrugia Sacco ma kienx ħati u li qatt ma ħa passi dixxiplinarji fil-konfront tiegħu.

F’Diċembru li għadda, il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien ippreżenta mozzjoni ta’ impeachment biex Farrugia Sacco jitneħħa minn imħallef. Farrugia Sacco kien irrifjuta li jirriżenja u sostna li din il-mozzjoni kienet motivata biss minn raġunijiet politiċi.

Matul il-ġimgħa li għaddiet, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru talab li l-każ jiġi diferit.