Farrugia Portelli għandha twaqqaf l-attivitajiet tal-massa – MAM

Luke Zerafa

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli għandha tirrikonoxxi r-responsabbilità tagħha u twaqqaf l-attivitajiet tal-massa kollha.

Fi stqarrija l-MAM qalet li ħadet gost meta rat li Farrugia Portelli rrikonoxxiet li taf li hemm ħafna festivals li pajjiżi Ewropej irrifjutaw li jsiru fihom però li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) ħeġġithom jiġu Malta.

It-tobba qalu li Farrugia Portelli ħarbet mill-mistoqsijiet dwar il-każ jumejn qabel.

“Peress li ebda pajjiż fl-UE s’issa ma ppermetta li jsiru attivitajiet tal-massa mingħajr konsegwenzi, wieħed jibda jaħseb dwar x’esperti kkunsultat magħhom,” saħqu t-tobba.

It-tobba qalu li l-party tal-hotel takeover organizzat minn G7 events u Sound Salon attendew għalih 700 persuna. S’issa ħarġu 22 każi pożittivi minn dan il-party u kellha tingħalaq sala medika, ingħalqu żewġ skejjel, ingħalaq il-bank ċentrali ta’ Malta, u fakkru li hemm għadd ta’ tobba u infermiera kwarantina. Il-MAM qalet li huwa possibbli li hemm nies oħra li marru għall-party li m’għandhomx sintomi u li qed ixerrdu l-virus bla ma jafu.

Il-MAM qalet li fi tlett ijiem saru 10,000 talba għall-iswabbing. Dan ħoloq lista ta’ stennija ta’ ġimgħa. Apparti minn hekk, il-linji tal-helpline 111 waqgħu minħabba l-influss ta’ telefonati.  It-tobba qalu li l-proċedura tat-track and trace ġiet ipparaliżżata bil-konsegwenza li l-virus jaf jinfirex aktar waqt li hemm min qed jistenna biex isirlu t-test.

“Il-MAM hija infurmata li l-Ministeru għas-Saħħa qed jaħdem qatigħ biex iżid il-kapaċità u l-MAM tappoġġja dawn l-isforzi,” qalet il-MAM.

It-tobba komplew jgħidu li l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika qed ibatu biex jikkontrollaw dan il-cluster u li mhumiex f’pożizzjoni li jieħdu ħsieb il-kunċerti li jattiraw l-eluf minn barra.

Il-MAM qalet li d-deċiżjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq ix-xjenza u mhux li jittieħed riskju għall-ekonomija.

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li minflok jħassar il-parties skedati li jsiru f’Malta, il-Gvern ħa jara x’jista’ jsir aħjar u x’seta’ sar differenti.

Il-President tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace qal li l-Prim Ministru Robert Abela m’għandux rispett lejn l-infermiera li jinsabu kwarantina.

Il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman iddikjara illi huwa jaqbel fis-sħiħ
li għandhom jitwaqqfu minnufih l-attivitajiet tal-massa.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Kummissarju stqarr li jemmen li, “mill-evidenza disponibbli, m’hemmx dubju li hemm bżonn li tittieħed azzjoni qabel is-sitwazzjoni ssir waħda iddisprata.”

L-istqarrija tkompli tgħid li fl-aħħar xhur saru sagrifiċċji kbar mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, mill-pubbliku u min-negozji. Għalhekk, il-Kummissarju hu tal-fehma li għandu jiġi żgurat li dak li nkiseb ma jintilifx. Qal ukoll li hemm il-ħtieġa ta’ direzzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.