Farrugia Portelli flok il-PM f’konferenza ta’ Henley & Partners

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ndirizzat konferenza ta’ Henley & Partners dwar l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment li għaliha kien mistenni jattendi l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u ċ-Ċittadinanza, il-Gvern qal li Farrugia Portelli attendiet għal din il-konferenza f’Londra u tkelmet dwar l-impatt ekonomiku li ħalla l-proġramm ta’ ċittadinanza b’investiment. Hija qalet li l-programm ta’ Malta jirrappreżenta standard tad-deheb għall-industrija kollha.

Farrugia Portelli tkellmet ukoll dwar ir-rapport tal-Uffiċċju tar-Regolatur tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment dwar l-allegazzjonijiet kontra d-ditta legali Chetcuti Cauchi li tqajmu fil-filmati mxandra fi programm televiżiv Franċiż.

AQRA: Ippubblikat ir-rapport Chetcuti Cauchi dwar l-allegat rabtiet mal-Gvern

Hija qalet li l-konklużjoni hija ċara u ma tħallix dubju dwar imġiba ħażina. Spjegat li d-due diligence hija stretta li tinvolvi fażijiet differenti u persuni differenti biex jiġi assigurat li kull applikazzjoni tiġi skrutinizzata b’mod għoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali għall-għoti ta’ ċittadinanza.

Fid-diskors tagħha, Julia Farrugia Portelli stqarret li l-programm f’Malta ġġenera impatt pożittiv tant li l-fondi mill-kontribuzzjonijiet telgħu għal madwar €900 miljun. Spjegat li minn dawn €557 miljun tpoġġew fil-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp.

Il-konferenza bl-isem 13th Global Citizenship Conference kienet tiffoka fuq il-programmi ta’ ċittadinanza b’investiment madwar id-dinja u għaliha kellu jattendi wkoll il-Kap Ezekuttiv tal-Aġenzija tal-Gvern għall-ħruġ tal-Viżi u permessi ta’ residedenzi Charles Mizzi.

Il-Partit Nazzjonalista għal diversi drabi kien talab biex jiġi ppubblikat il-kuntratt ma’ Henley & Partners bil-Gvern jgħid li l-Oppożizzjoni qed tuża politika ta’ biża biex ittellef l-investiment.

AQRA: Il-PN jisfida lill-Gvern jippubblika l-kuntratt ma’ Henley & Partners

AQRA: Simon Busuttil stieden lill-Gvern jippubblika l-kuntratt ma’ Henley & Partners

AQRA: Il-Kap tal-Oppożizzjoni jallega li Henley & Partners iffinanzjat partiti politiċi