Farage mhux se jikkontesta l-elezzjoni ta’ Diċembru

Read in English.

Fir-Renju Unit, il-mexxej tal-Partit Brexit Nigel Farage qal li mhux se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali tat-12 ta’ Diċembru li ġej.

Il-mexxej tal-Partit ta’ Brexit qal mal-BBC li ħaseb qatigħ imma ddeċieda li jkun qed jagħmel aktar ġid jekk jappoġġja s-600 kandidat fi ħdan il-partit tiegħu. Farage, li pprova jidħol fil-Parlament Ingliż seba’ darbiet, stqarr li ma jridx ikun fil-politika għall-bqija ta’ ħajtu.

Nigel Farage qal li l-ftehim maqbul fl-aħħar ġimgħat “jidher li hu agħar milli r-Renju Unit jibqa’ fl-UE”. Saħaq li kieku d-direzzjoni tal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson hija Brexit ġenwina, “ma jkollniex għalfejn niġġieldu kontrih f’din l-elezzjoni”.

Nhar il-Ġimgħa, Boris Johnson irrifjuta alleanza mal-partit ta’ Farage, għax jemmen li jekk jagħmel xi ftehim ma’ xi partit ieħor, jirriskja li Jeremy Corbyn isib postu Prim Ministru.