Farage f’attakk sfrenat fil-Parlament tal-UE

Waqt diskors imqanqal fil-Parlament Ewropew, l-MEP u Kap tal-Partit Ingliż UKIP, Nigel Farage għamel attakk sfrenat kontra l-Unjoni Ewropea.
Hu kien qed jitkellem waqt is-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew, fejn qal li ma jridx li l-Ingilterra tibqa' "imsakkra f'dan il-mużew", b'referenza għall-Unjoni Ewropea.
Farage qal li l-unika mod kif l-Ingilterra tista' taċċetta li tibqa' membru tal-UE hu jekk ikun hemm trattat li tagħti lill-Ingilterra d-dritt tagħżel hi min jista' jidħol fil-pajjiż u min le.
Żied jgħid li llum il-progressivi veri huma l-ewroxettiċi, għax huma jemmnu fid-demokrazija u fil-futur globali.
Philippe Lamberts, MEP mill-Partit tal-Ħodor saqsa lil Farage x'qed jagħmel fil-Parlament Ewropew meta hu daqshekk kontra l-Ewropa. Farage rrisponda billi qal li fl-UE qisna fil-komuniżmu, meta jekk ma taqbilx ma' xi ħaġa li tgħid hi jiġifieri għandek marda mentali.
Farage temm id-diskorż tiegħu billi qal "tinkwetawx dwar il-preżenza tiegħi, ħames snin oħra mhux se nkun hawn."