Faqar kbir u nuqqas ta’ sigurtà fis-Sudan

Filwaqt li l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Ikel u l-Programm Dinji tal-Ikel uffiċjalment qed jgħidu li ma għadx hemm ġuħ fis-Sudan t’Isfel, id-Direttur tal-Organizzazzjoni Kattolika “Medici with Africa” għadu jsostni li filwaqt li dan jista’ jingħad għall-kapitali Juba, din żgur mhix ir-realtà fi bliet oħra.
L-Organizzazzjoni tmexxi 90 ċentru tas-saħħa fil-pajjiż li fihom għadha qed tiltaqa’ ma’ sitwazzjonijiet drammatiċi.  Fi nħawi rurali għadu diffiċli li wieħed isib ikel adegwat. Il-munita tal-pajjiż ma tiswa xejn, il-faqar hu serju u rampanti u hemm ħafna armi jiġru fl-idejn u sigurtà xejn.
Fl-aħħar jiem, waħda mill-karrozzi tal-Organizzazzjoni sfat attakkata. Ħadd ma weġġa'. L-attakkanti riedu biss flus jew ikel għax għalihom kull metodu hu leċitu biex isibu ikel għall-familji tagħhom.
Fr Dante Carraro li jmexxi l-imsemmija Organizzazzjoni qal li f’ċirkostanzi bħal dawn hemm bżonn l-għaqda u l-appoġġ. “Aħna għandna ħafna nies impenjati biex jipproteġu lin-nisa u t- tfal biex nagħtuhom messaġġ ta’ tama”, qal Carraro.
Is-sitwazzjoni fil-pajjiż tant hi serja li l-poplu niżel jipprotesta fit-toroq tal-kapitali Juba kontra l-kollass tal-ekonomija u l-politika tal-President Salva Kiir li qed ikun akkużat li wassal il-pajjiż f’xifer ta’ kollass totali.
L-ekonomija nazzjonali kkollassat wara il-“gwerra” li bdiet f’Diċembru 2013 bejn il-forzi tal-President Kiir u dawk tal-Viċi President Machar li wasslet biex issa f’parti kbir mill-pajjiż tirrenja l-anarkija u ġlied bejn tribujiet etniċi. Dan wassal biex tliet miljun persuna kellhom jaħarbu mill-pajjiż.