Faqa’ flixkun f’wiċċ żagħżugħa f’Paceville; sentenza sospiża

Raġel li nstab ħati li faqa’ flixkun tal-ħġieġ fil-wiċċ ta’ żagħżugħa f’Paceville fl-2006 ingħata sentenza sospiża.

Fil-Qorti nstema’ kif Gordon Farrugia ta’ 43 sena weġġa’ liż-żagħżugħa b’mod gravi. Il-vittma u l-akkużat kellhom verżjonijiet differenti ta’ kif ġraw l-affarijiet dakinhar.

Il-vittma qalet li kienet qed tixrob f’bar meta żewġ nisa li kienu qed jiżfnu fil-qrib imbuttawha. Beda argument verbali sakemm it-tliet nisa ġew fl-idejn. Wara, Farrugia ġie u kisser flixkun tal-birra f’wiċċ il-vittma. Tabib qal li l-feriti tagħha kienu gravi u li kien hemm ukoll xi ksur

Min-naħa tiegħu, l-akkużat qal li lanqas biss kien qiegħed fil-post. Sħabu qalu l-istess ħaġa.

Waħda min-nisa li kienet involuta fil-ġlieda qalet li laqtet daqqa ta’ tazza tal-ħġieġ mingħand il-vittma. Qalet li dan ġara qabel ma laqtet xi daqqa l-vittma.

Il-Maġistrat Ian Farrugia qal li l-evidenza tal-prosekuzzjoni kienet aktar konvinċenti.
Gordon Farrugia ġie kkundannat sentenza ta’ 18-il xahar ħabs sospiża għal tliet snin.