Faqa’ bid-daħk lil kulħadd b’messaġġ mit-tebut wara li miet

Ritratt: Twitter

Dawk li marru għall-funeral ta’ Shay Bradley, raġel Irlandiż ta’ 62 sena, infaqgħu jidħku meta mit-tebut tiegħu nstema’ jċempel fuq il-mobajl u jitlob lil dawk preżenti biex iħalluh joħroġ għax kien qed iħoss il-bard. Fl-istess ħin instema’ taħbit qisu bħal xi ħadd irid joħroġ minn tebut.

Minn speaker qrib il-post fejn indifen instemgħet il-vuċi tiegħu tgħid “Hello again, hello. I called to say goodbye.”

Ritratt: Twitter

Ibnu Jonathan qal li missieru wara mewtu xtaq li jagħmel xi ħaġa speċjali biex iferraħ lil min ikun preżenti, l-aktar lil martu li ma xtaqx li toħroġ qalbha sewda miċ-ċimiterju.

Meta l-filmat tar-raġel mejjet inxteħet online rawh 136,000 ruħ u wliedu lanqas riedu jemmnu li missierhom, anki wara mewtu, wassal biex jidħku tant nies. Bintu Andrea kitbet: “X’raġel! Biex igegħilna nidħku meta konna tant qalbna sewda u mdejqa. Kien raġel fuq l-irġiel.”

Ritratt: Twitter

Shay Bradley kien suldat u nqabad b’marda li ħasditlu ħajtu fi żmien qasir. Minn dejjem kien bniedem ċajtier u l-pjaċir tiegħu kien li jara lil ta’ madwaru jidħku. Hu rrekordja l-messaġġ li nstema’ bħallikieku ħiereġ mit-tebut madwar sena ilu. Il-ħoss tat-taħbit fuq l-injam taparsi mit-tebut kien hu jħabbat fuq wiċċ ta’ mejda.