F’April saru 73 titjira ta’ ripatrijazzjoni

Miguela Xuereb

F’April saru 73 titjira ta’ ripatrijazzjoni minn u lejn tmien pajjiżi.

Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) qal li ipproċessa 2,370 passiġġier ripatrijati tul April.

“F’April li għadda, kellna biss 2,370 passiġġier, li bejn wieħed u ieħor hu ekwivalenti għan-numru ta’ passiġġieri li ġeneralment nipproċessaw f’siegħa f’jum tipiku fix-xhur tas-sajf,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg.

Mill-banda l-oħra t-titjiriet ta’ ġarr ta’ merkanzija żdiedu b’39.8% fuq April 2019. Dawn laħqu l-186 moviment tal-ajruplani.

Minħabba l-impatt tal-coronavirus, l-MIA rrapporta tnaqqis ta’ ta’ 99.64% fin-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport f’April li għadda meta mqabbel mal-istess xahar fl-2019.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ħabbar li probabbilment il-ftuħ tal-ajruport se jkun l-aħħar restrizzjoni li tiġi rilaxxata u dan jiddependi minn dak li jagħmlu pajjiżi oħra. Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Schembri qal li ma’ kull rilaxx ta’ restrizzjoni jrid ikun hemm miżura li tkejjel l-effett tagħha fil-firxa tal-imxija tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn