F’April infaqna €122 miljun aktar minn dak imbassar fil-baġit – Scicluna

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li Malta nefqet €122 miljun aktar minn dak stmat fl-aħħar baġit fix-xahar ta’ April.

Scicluna qal dan waqt laqgħa virtwali li kellu mal-imsieħba soċjali u l-membri tal-MCESD. Din saret bi preparazzjoni għar-Recovery Budget li se jiġi żvelat nhar it-Tnejn li ġej.

Scicluna tkellem dwar il-figuri fil-fond konsolidat għax-xahar ta’ April 2020. Qal li l-infieq attwali kien ta’ €537 miljun filwaqt li l-istima tal-baġit ta’ kienet ta’ €415 miljun. Però, jekk wieħed jeskludi l-flus li ntefqu f’miżuri tal-coronavirus, €93 miljun f’April, l-infieq jinżel għal €444 miljun, differenza ta’ €29 miljun mill-istima ta’ €415 miljun.

Id-dħul rikorrenti għal April kien ta’ €242 miljun filwaqt li l-istima kienet ta’ €393 miljun – differenza ta’ €151 miljun. Però, jekk wieħed jeskludi d-differimenti tat-taxxi (€38 miljun f’April) id-differenza tonqos għal €113.

Scicluna qal li mhux l-ewwel darba li f’xi xahar ikun hemm xi differenzi bejn l-infieq u d-dħul attwali meta mqabblin ma’ dak previst fil-baġit. Però qal li ntilfet 3% tal-GDP.

Saħaq li wieħed għandu jgħin lin-negozji għax inkella dawn ma jqumux fuq saqajhom meta jiġu biex jerġgħu jkunu kompettitivi u jħaddmu n-nies.

Il-Ministru Carmelo Abela li wkoll kien preżenti qal li l-baġit tat-8 ta’ Ġunju għandu l-għan li jinċentiva l-ekonomija u n-negozji.

Scicluna qal li għadha qed issir ħidma fuq il-pakkett ta’ għajnuna u li suġġerimenti validi jintlaqgħu.

Qal ukoll li qgħad inżamm taħt l-4,000.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn