Fantasija ta’ Azzopardi li kont naf li se tinqatel Daphne – Muscat

Read in English.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li hija fantasija tal-MP Nazzjonalista Jason Azzopardi li kien jaf li se tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Muscat iddedika l-ewwel rimarki tiegħu fil-Parlament mir-riżenja tiegħu biex jiċħad l-allegazzjonijiet li saru mill-MP Jason Azzopardi. Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf li se tinqatel Daphne Caruana Galizia u kien għalhekk li sejjaħ elezzjoni bikrija fl-2017. 

Muscat għamel ilment ta’ ksur ta’ privileġġ kontra Azzopardi. Qal li qatt ma kien ra l-privileġġ parlamentari abbużat b’dan il-mod.

L-eks Mexxej Laburista qal li jista’ jħalli ħafna insulti jgħaddu, inkluż l-akkuża li huwa korrott. Però qal li l-allegazzjoni li kien jaf bil-pjan tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia minn qabel mhi xejn ħlief fantasija ta’ Jason Azzopardi.

Skont Muscat ebda livell ta’ kunflitt politiku ma jiġġustifika dawn it-tip ta’ attakki fuq ir-reputazzjoni ta’ xi ħadd. Muscat akkuża lil Azzopardi li dan bgħattlu messaġġi permezz ta’ terzi biex ma jattakkaħx fuq ċertu materji. Qal li hu qatt ma kien jasal jagħmel hekk peress li kienu kwistjonijiet personali.

Joseph Muscat qal li għandu elf difett imma fil-fehma tiegħu huwa l-unika Prim Ministru li kellu każ ta’ omiċidju maġġuri li ssolva taħt it-tmexxija tiegħu.

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf li se tinqatel Daphne Caruana Galizia u kien għalhekk li sejjaħ elezzjoni bikrija fl-2017. Meta kien qed jitkellem waqt l-aġġornament tal-Parlament, Azzopardi qal li skont xhieda fil-qorti ħarġet li Spettur tal-Pulizija stqarr li s-sim cards tal-burner phones inxtraw lejn l-aħħar tal-2016. Azzopardi insista li Yorgen Fenech kien jaf b’elezzjoni bikrija sa minn Diċembru tal-2016, jiġifieri ħames xhur qabel l-1 ta’ Mejju meta Muscat ħabbar id-data tal-elezzjoni.