“Familti għandha l-problemi tagħha, bħall-oħrajn”

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, qalet li jekk ħuha ż-żgħir hu wieħed minn dawk li ġew arrestati aktar kmieni llum dwar każ ta’ bomba fil-Fgura, familtu se ssib l-għajnuna tagħha. Sostniet li għall-kuntrarju ta' dak li jista' jagħmel ħaddiehor, hi se thalli l-ġustizzja tieħu l-kors tagħha.
Dan wara li l-Malta Today l-ewwel irrappurtat li l-arrestat huwa ħuha l-kbir, imbagħad aktar tard il-ġurnal onlajn skuża ruħu u ċċara li kien ħuha ż-żgħir l-arrestat.
Fuq Facebook Comodini Cachia riedet tenfasizza li saret taf mill-midja dwar dan, u meta l-aħbar kienet għadha li kien ħuha l-kbir, sostniet li minħabba raġunijiet familjari ilha żmien li ddeċidiet li ma tkellmux.
Madankollu, aktar tard reġgħet kitbet fuq Facebook tistaqsi hix il-midja li se tagħżel min hu l-arrestat, proprju minħabba l-iżball.

Temmet tgħid li familtha wkoll ikollha l-problemi tagħha, bħall-oħrajn.
Il-każ imur lura għal Jannar li għadda meta bomba li tqiegħdet ma’ karozza fi Triq Sant’Antnin il-Fgura ma ħaditx.