Familji Koreani jiltaqgħu wara 65 sena mifrudin bil-gwerra

Reuters

Madwar 180 familja li ġew mifrudin minħabba l-gwerra fil-Korea li seħħet bejn l-1950 u l-1953 se jingħataw iċ-ċans li jitlaqgħu fil-Korea ta’ Fuq illum wara li kien hemm qbil fi Pyongyang, bejn iż-żewġ taqsimiet tal-Korea, li wassal għat-twaqqif tal-programm nukleari.

Din l-għaqda mill-ġdid se tkun qed issir f’Mount Kumgang, kif ġie deċiż mill-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un u l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in waqt is-summit f’April.

Il-familji separati sfaw vittmi ta’ ġlieda bejn iż-żewġ taqsimiet, ġlieda li kompliet tikber aktar ma żdiedu l-programmi u l-armamenti nukleari.

Aktar minn 57,000 persuna rreġistraw sabiex jiltaqgħu għal 11-il siegħa mal-familjari tagħhom, liema laqgħa qasira tħalli bosta b’qalb masqum meta jerġgħu jinfirdu.

Madwar 132,600 persuna huma mniżżla li ġew separate minn mal-familji tagħhom. Minn dawk li se jipparteċipaw f’din il-laqgħha, 41% għandhom madwar 80 sena, filwaqt li 21% għandhom madwar 90 sena. Ir-raġel l-aktar anzjan li qed jipparteċipa f’dan il-programm għandu 101 snin.