“Familji kbar iħallsu iktar għad-dawl” – PD

Partit Demokratiku dawl ħlas

Familji kbar qed iħallsu iktar għal kull unit ta’ dawl avolja jikkonsmaw inqas per capita, skont stqarrija tal-Partit Demokratiku.

Il-Partit Demokratiku saħaq li jifhem l-inizjattiva tal-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi biex jinvestiga l-problema ta’ kontijiet tad-dawl għoljin, iżda jisħqu li l-prinċipju li min iniġġes iħallas mhix qed tiġi mħarsa kif suppost.

Dan għaliex familji kbar qed ikollhom kontijiet tad-dawl għoljin, avolja jikkonsmaw inqas per capita. Il-partit spjega li familji li jagħżlu li fix-xitwa jużaw air condition għas-sħana minflok jużaw il-gas, għas-sigurtà tat-tfal, qed iħallsu żżejjed, peress li huma m’humix jaħlu iktar, iżda qed jużaw dawl flok gas.

Il-Partit Demokratiku żied jgħid li b’hekk, in-nies jaħarqu gas, pitrolju u injam f’postijiet b’ħafna popolazzjoni, flok jużaw id-dawl, li huwa gas li jiġi maħruq fil-power station. Il-PD sostna li r-regolatur għandu jieħu ħsieb dan in-nuqqas.