Familja tasal f’xelter tal-YMCA b’bagalji mbullati

Unsplash

F’nofsillejl, familja ta’ erbgħa – omm, missier u żewġt itfal żgħar – waslu fix-xelter tal-YMCA jġorru bagalji mbullati. It-tfal kienu kesħin silġ, imma l-espressjoni ċassa fuq wiċċhom li kienet l-aktar ħaġa li tqabbdek il-bard. Il-familja spiċċat torqod barra wara li kellha nuqqas ta’ qbil ma’ membri tal-familja li kienet tgħix magħha.

Din hija waħda fost il-bosta sitwazzjonijiet li tiltaqa’ magħhom il-YMCA fil-ħidma tagħha biex tgħin persuni vulnerabbli.

Fi blogg fuq Newsbook.com.mt, il-YMCA tispjega kif Dar Niki Cassar fiha kmamar għall-familji, u għaldaqstant kien possibbli biex din il-familja tibqa’ magħquda flimkien.  Irrimarkat li din il-familja ma damitx ma ssetiljat u ma integrat ma’ residenti oħra.

Minkejja li l-għan ewlieni kien li jipprovdulhom ħwejjeġ u ikel, eventwalment bdew jgħinuhom billi jipprovdulhom linji gwida għad-dokumentazzjoni tagħhom, peress li kienu barranin. Għenuhom ukoll biex jagħmlu appuntamenti mediċi. Minħabba li l-missier kien jaħdem,  ma tantx damu biex għenuhom isibu appartament fejn reġgħu bdew jgħixu b’mod indipendenti.

Dar Niki Cassar hija faċilità residenzjali tal-YMCA li toffri kenn lil individwi, familji u tfal bla saqaf fuq rashom.

Aktar informazzjoni dwar is-servizzi tal-YMCA jistgħu jinkisbu minn hawn. Wieħed jista’ wkoll jagħti donazzjoni ta’ €11.65 billi jibgħat messaġġ vojt fuq 50619212.