Familja Għawdxija teħel lejl f’Ateni; l-Ambaxxata “żammet kuntatt”

Kienu ġejjin lura Malta iżda l-Pulizija Griega fl-ajruport ta’ Ateni żammewhom milli jitilgħu fuq l-ajruplan mingħajr ma tathom l-ebda raġuni. Din kienet l-esperjenza ta’ familja minn Għawdex li fi tmiem il-ġimgħa riedet tiġi lura Malta wara vaganza fil-Greċja.

Il-koppja Eyad u Josianne Abuhishmeh, li kienu flimkien mal-erba’ ulied tagħhom, irrakkuntaw ma’ Newsbook.com.mt kif twaqqfu mill-pulizija Griega meta kienu fil-kontroll tal-passaporti.

Abuhishmeh ilu jgħix f’Malta 30 sena u għandu ċittadinanza Maltija. Martu hija Għawdxija, u anki wliedu. Qal li ħassewhom trattati bħal kriminali minħabba li għal diversi diversi drabi ġie mistoqsi mill-Pulizija Griega minn liema pajjiż ġej, u baqa’ jwieġeb li hu u familtu huma Maltin. Madanakollu huma ma ngħataw l-ebda spjegazzjoni għalfejn ma kinux qed jitħallew jitilgħu fuq l-ajruplan, u ġew ordnati joqgħodu mal-ġenb sakemm il-passiġġiera l-oħra għaddew qabilhom u telgħu.

Il-Gvern jgħid li “żamm kuntatt”

F’ċikostanzi bħal dawn l-għażla tal-passiġġiera tkun kważi awtomatika li jippruvaw jagħmlu kuntatt mal-Ambaxxata Maltija fil-pajjiż. Hekk għamlet din il-familja u kkuntattjat lill-Ambaxxatur Malti fil-Greċja Patrick Cole li min-naħa tiegħu qalilhom li ma jistax jagħmel aktar u wiegħdhom li jikkorrispondi mal-awtoritajiet it-Tnejn.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt, kelliem għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ikkonferma li bħala Ambaxxata żammew kuntatt mal-familja. Żied jgħid li dan il-kuntatt inżamm “inkluż matul il-lejl” permezz tal-Ambaxxatur u anke uffiċjali oħra tal-Ministeru. Huwa spjega li l-Ministeru ma setgħax jindaħal fil-proċessi ta’ pajjiż sovran Ewropew u qal li “ma setax jinterferixxi fix-xogħol tas-servizzi tas-sigurtà ta’ Stat sovran”.

Il-familja ħallset aktar minn €600 oħra biex qabdet titjira oħra

Wara li tilfu t-titjira ttieħdu f’żona fejn jiġu ċċekkjati l-passaporti, u hawn allegatament qalulhom li kienu ġew miżmuma minħabba li karta mill-ktieb tal-passaport tas-Sur Abuhishmeh kellha tiċrita f’tarf minnhom.

Għal dan Abuhishmeh qal li seta’ faċilment jintalab juri l-karta tal-identità minħabba li kienu għadhom fl-Unjoni Ewropea. Huwa esprima dubju dwar kemm din kienet ir-raġuni għalfejn hu u familtu ġew miżmuma, u jħoss li ġew iddiskriminati minħabba li għandhom kunjom li mhux Malti. Il-familja qattgħet lejl fl-ajruport sakemm ingħatat titjira oħra, li għaliha kellhom jerġgħu jħallsu €658 minn buthom.