Fakultà Edukazzjoni: Il-Proposta tal-Ministeru taqta’ qalb l-għalliema

Il-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta' Malta qalet li l-proposta tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li l-istudenti jgħallmu lil studenti oħra taqta’ qalb l-għalliema li diġà qed jgħallmu.
Fi stqarrija l-Fakultà esprimiet it-“tħassib serju tagħha” dwar il-messaġġ li riċentament intbagħat lil studenti universitarji f’diversi Fakultajiet biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel. Iddeskriviet il-proposta bħala waħda li tagħmel il-ħsara lill-professjoni.
Il-Fakultà stqarret li dawn il-proposti jagħtu l-impressjoni li  l-edukazzjoni formali tal-għalliema mhix importanti. Żiedet tgħid li teżisti tendenza li jiġu adottati soluzzjonijiet ta’ malajr.
Fl-istqarrija, il-Fakultà spjegat li fejn ikun hemm dawn it-tip ta’ nuqqasijiet ta’ ħaddiema fost professjonijiet oħra, dawn ma jimpjegawx nies li ma jkunux kwalifikati.
Il-Fakultà tenniet li biex wieħed isir għalliem, għandu bżonn il-preparazzjoni komprensiva li tkun ittestjata b’standards internazzjonali.
L-edukaturi nsistew li miżuri li ma jħarsux fil-futur ipoġġu lill-istudenti f’idejn persuni li mhumiex ippreparati ma jistgħux ikunu aħjar minn miżuri li jassiguraw li l-iskejjel ikollhom għalliema ta’ kwalità għolja.
Fl-istqarrija, il-Fakultà saħqet li l-Master in Teaching and Learning kien ġie introdott biex jassigura li l-istandards fit-tagħlim jiġu salvagwardjati.
Il-Fakultà esprimiet solidarjetà mal-istudenti li qed jippreparaw lilhom infushom biex isiru għalliema peress li meta kwalunkwe persuna tiġi mitluba biex tagħmel ix-xogħol tagħhom, dan jaqtgħulhom qalbhom.
Temmet tgħid li l-istudenti tal-iskejjel f’Malta m’għandhom qatt jitpoġġew f’kundizzjonijiet fejn it-tagħlim tagħhom ikun f’riskju minħabba nies li mhumiex ikkwalifikati jew mhux imħarrġa tajjeb.
Marco Bonnici, il-President tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), ikkritika wkoll d-deċiżjoni kontroversjali tal-Gvern.
Ritratt: Arkivji