Fadallek sena biex tirregolarizza l-bini bi prezz orħos

Jekk sibt xi irregolarita fil-propjetà tiegħek se tkun tista’ tapplika sabiex tiġi regolarizzata bi prezz orħos fit-12-il xahar li ġejjin.

Dan tħabbar mill-Awtorità għall-Ippjanar  li spjegat li mhux se tkun qed timplementa ż-żieda ta’ 25% fil-prezz li kienet se tidħol fis-seħħ din is-sena.

Fi stqarrija ġie spjegat li d-deċiżjoni ttieħdet wara l-ammont kbir ta’ rispons li kien hemm matul l-aħħar sentejn minn meta bdiet l-iskema u għaldaqstant iddeċidiet li testendiha. Għaldaqstan l-avviż legali ġie amendat biex jirrifletti din l-estensjoni.

L-iskema tar-regolarizazzjoni bdiet f’Awwissu tal-2016 sabiex tagħmilha aktar faċli għal binjiet li kienu qed jitħallew mitluqa għax kellhom xi irregolaritajiet li ma kienux sanzjonati.

70% tal-flus li daħlu minn din l-iskema intużaw għal skemi fil-komunità bħal Irrestawra Darek. 20% ġew allokati għall-fond tal-Ippjanar tal-Iżvilupp li jintużaw fi proġetti għat-tisbiħ u żvilupp fil-komunitajiet.

Matul dawn is-sentejn ġew sottomessi 10,000 applikazzjoni, li minnhom 8,155 ġew validati u wasslu għal dħul ta’ €15.7 miljun.