Filmat: Fadal żewġ studji qabel il-permess għal breakwater

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-għassa ta’ Marsalforn, il-Ministru Caruana qalet li l-Gvern nieda żewġ tenders li permezz tagħhom, il-Gvern qed iħejji biex jitfa’ l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jingħata l-permess għall-bini tal-breakwater għal Marsalforn.

Miguela Xuereb

Affaċjata bl-isfidi tal-operaturi turistiċi f’Marsalforn, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li bħal meta hi kienet fl-Oppożizzjoni hija għadha tirċievi dawn l-ilmenti. Spjegat li ma setgħetx twettaq din il-wiegħda qabel għax hi saret Ministru għal Għawdex f’din il-leġislatura.

Filmat: “Nagħmlu 4 sigħat innaddfu l-ħama f’Marsalforn”

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha Newsbook.com.mt ma kienx mistieden, il-Ministru Caruana spejgat kif tim ta’ esperti tekniċi evalwaw kull studju li kien sar fil-passat bit-tama li fondi pubbliċi li ġew investiti fihom ma jkunux inħlew. Stqarret li għalkemm inkisbet informazzjoni utli, dawn l-istudji llum m’għadhomx relevanti u għaldaqstant ġew ippubblikati żewġ tenders oħra.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Caruana spjegat li ż-żewġ tenders li nħarġu huma għal żewġ studji separati li għadhom iridu jsiru. Wieħed minnhom huwa għall-investigazzjonijiet ġeo-tekniċi u l-ieħor dwar l-impatt ambjentali. Qalet li l-intenzjoni tal-Gvern huwa li l-breakwater ikollu żewġ ħitan li jibdew miż-żewġ naħħat tal-port biex skont il-Ministru, “iż-żona ta’ Marsalforn ikollha difiża jkun xi jkun ir-riħ”.

Mistoqsija tgħid kemm hu maħsub li jiswa dan il-proġett, il-Ministru qalet li “jiswa’ l-miljuni” iżda sostniet li l-Gvern huwa kommess li jwettaq il-wiegħda elettorali li għamel.