Fadal “waħdiet” ta’ fax machines fil-Ministeru għas-Saħħa

Il-Ministeru għas-Saħħa u l-entitajiet fi ħdanu fadlilhom numru żgħir ta’ fax machines.

Kelliema għall-Ministeru qalet ma’ Newsbook.com.mt li fadal “xi waħdiet”. Qalet ukoll li l-Ministeru mhux beħsiebu jinvesti f’fax machines fil-futur. Skont il-BBC, is-servizz tas-saħħa tar-Renju Unit (NHS) mhux se jitħalla jixtri aktar fax machines u ngħata struzzjonijiet biex jelimina l-użu tagħhom sal-2020. Dan wara li d-Dipartiment tas-Saħħa fil-pajjiż kien iddeċieda dwar bidla lejn mezzi ta’ komunikazzjoni aktar moderni biex titjieb is-sigurtà u s-cyber security tal-pazjenti.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa f’Malta qalet li l-fax machines akar jintużaw bħala telefown milli bħala fax. “Fost oħrajn hemm waħda fid-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea teħtieġ numru ta’ fax,” żiedet tgħid il-kelliema. Sostniet li “fil-verità, bit-teknoloġija tal-lum ma tintużax”. Madanakollu ma weġbitx kemm jiswa l-użu tal-fax machines fi ħdan il-Ministeru.

Skont il-BBC, f’Lulju li għadda ġie żvelat li madwar 9,000 fax machines kienu qed jintużaw mill-NHS fl-Ingilterra. Dan l-apparat kien beda jsir komuni bejn is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet.