Fadal sitt xhur oħra għall-waqfien mit-tixrid tal-Ebola

Il-kontroll assolut mit-tixrid tal-marda tal-Ebola fil-pajjiżi Afrikani jinsab sitt xhur ‘il bogħod. Il-President tal-organizzazzjoni volontarja ta’ Tobba Mingħajr Fruntieri, Joanne Lui qalet f’ Ġinevra li jeħtieġ li jkun hemm iktar stabbilità fil-Liberja fejn ġew rappurtati li tilfu ħajjithom mat-300 persuna. Semmiet li jekk il-Liberja ma tiġix stabilizzata, ir-reġjun Afrikan kollu se jibqa jbati mit-tixrid tal-marda.
Hija sejħet għal miżuri straordinarji li għandhom jittieħdu u stmat li biex is-sitwazzjoni fl-Afrika tkun taħt kontroll jinħtieġu minn tal-inqas sitt xhur oħra. Hija talbet għal koordinament internazzjonali iktar b’saħħtu immexxi mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO).
Ċifri juru li sa minn mindu faqqgħet il-marda fil-Guinea fi Frar li għaddha, mietu mal-1,069 ruħ.