Filmat: “Fadal il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili biex iwasslu l-verità lill-poplu”

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=4QRs9_PpFY0]

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, qal li l-verità se tasal għand il-poplu bis-saħħa tal-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili, u dan il-fatt qed jissaħħaħ mill-ħidma li qed jagħmlu l-45 ġurnalist f’The Daphne Project.
Fi stqarrija li s-suġġett tagħha kien il-protezzjoni tal-ġurnalisti investigattivi fl-Ewropa, Zammit Dimech irrefera għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u s-Slovakk, Jan Kuciak.
Kuciak inqatel fi Frar li għadda, u aktarx minħabba x-xogħol investigattiv tiegħu dwar konnessjonijiet bejn il-mafja Taljana, ‘Ndrangheta, u uffiċjali tal-Gvern Slovakk.
“F’Malta flok ma l-Pulizija tinvestiga bis-serjetà min kien wara l-qtil ta’ Daphne Caruna Galizia, għandna l-Gvern li jkompli jiġġustifika l-proċedura tal-iSLAPP li biha kumpaniji bħal Henley and Partners u Pilatus Bank ippruvaw jagħlqu ħalq il-ġurnalisti”, sostna l-Ewroparlamentari Malti.
Lil Newsbook.com.mt, il-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici, kien qal li l-Gvern lest li jikkunsidra l-proposti tal-Ewroparlamentari l-ieħor, David Casa, dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti fejn tidħol l-iSLAPP.
Dakinhar kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-abbozz tal-liġi tal-Midja u d-Defamazzjoni.
Sadanittant, Zammit Dimech enfasizza li meta l-ġurnalisti jinqatlu u l-istat ifalli milli jipproteġihom, huma n-nies finalment li jiċċaħħdu minn informazzjoni fundamentali għall-futur tagħhom.
Temm jgħid li fid-dawl ta’ dak li ġara lil ġurnalisti bħal Caruana Galizia u Kuciak imiss lil dawk fil-Parlament Ewropew li jagħmlu kull ma jistgħu biex iħarsu l-ġurnaliżmu investigattiv li huwa mibni fuq il-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni, u biex issir ġustizzja magħhom anki billi jassiguraw li dak kollu li kienu qed jinvestigaw jibqa’ jkun mistħarreġ.