“Fadal għexieren ta’ siġar ħajjin qrib Ta’ Pinu” – Peter Agius

Dak li kien il-Kap tal-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f’Malta Peter Agius qal li għad fadal għexieren ta’ siġar ħajjin u f’saħħithom ftit ‘il fuq mis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex.

F’kumment li tella’ fuq Facebook, Peter Agius qal li żar il-Ġnien Bibliku u rrefera għal xi rapporti fil-gazzetti li qalu li hemm diversi siġar mejta. Dawn is-siġar kienu tħawwlu bħala parti minn proġett Ewropew.

Peter Agius saħaq li għad fadal diversi siġar b’saħħithom fil-post, partikolarment dawk tal-prinjol u tal-ħarrub.

Argumenta li l-iżball li sar kien li tħawwlu wkoll xi siġar tat-tin u tar-rummien fl-għolja ta’ qrib is-Santwarju ta’ Pinu, u allura qal li huwa diffiċli li jitwassal l-ilma sa’ erba’ sulari għoli.

Ir-rapport li deher f’The Times of Malta jgħid li l-proġett tal-afforestazzjoni f’Ta’ Pinu tħallew imutu u nexfin. Kelliem għall-Ministeru ta’ Għawdex qal li dawn is-siġar dalwaqt se jissaqqew.