​Faċli għal Marsa St Michael

Ic-Champions Marsa St Michael laħqu lil-leaders tal-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Valletta St Pauls għalkemm b’logħba aktar meta ftit sabu diffikultà sabiex jegħlbu lit-tim tal-qiegħ Fleur de Lys CFK bl-iskor ta’ 4-1.
Dawn it-tliet punti waslu lejliet il-konfront ferm importanti u mistenni li se jintlagħab bejniethom fl-14 t’April li ġej fejn hemmhekk jiġi deċiż min se jirbaħ il-kampjonat għal dan l-istaġun. Xejn inqas minn rebħa ma tissodisfa lis-St Michael jekk iridu jżommu x-xettru ta’ champions.
Sadanittant din kienet l-unika logħba li ntlagħbet matul tmiem din il-ġimgħa wara li fil-jiem illi għaddew Valletta Stars ġew imwaqqfa milli jkomplu jieħdu sehem fil-MAFA wara li taw żewġ walkovers konsekuttivi filwaqt illi Sta Lucia Falcons infurmaw lid-diriġenti ta’ din l-assoċjazzjoni illi huma rtiraw mill-kompetizzjoni.
B’hekk il-kampjonat ġie ridott għal erba’ timijiet biss li huma Valletta St Pauls, Marsa St Michael, Senglea Gunners u Fleur de Lys CFK.
Fil-partita tas-Sibt, Marsa St Michael għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu hekk kif ħarġu ferm aggressivi f’din il-partita u wara żewġ azzjonijiet perikolużi ma kinitx sorpriża illi marru fil-vantaġġ permezz tal-aqwa skorer tal-kampjonat Ricardo Severino.
Marsa baqgħu l-aħjar u rdoppjaw l-iskor fit-33 minuta grazzi għall-gowl ta’ Ryan Gafa biex iż-żewġ timijiet marru jistrieħu b’Marsa 2-0 minn fuq.
Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel u kienu St Michael illi għamluhom tlieta meta Ricardo Severino daħal tajjeb u b’xutt għeleb lill-goalkeeper ta’ Fleur de Lys. Dan kien l-14-il gowl illi skorja l-attakkant Brażiljan.
Fil-61 minuta, ic-champions skorjaw ir-raba’ gowl meta wara xogħol tajjeb ta’ Mohammed Elamari illi baqa’ jinsisti mal-linja leminija u kkrossja fil-baxx fejn sab lil Robert Perkins illi minn żewġ passi bogħod spara l-ballun fix-xibka.
Fleur de Lys kellhom is-sodisfazzjon illi jnaqqsu l-marġni tal-iskor fl-aħħar minuta tal-logħba meta wara kontrattakk veloċi difensur Marsi waqqa’ lill-attakkant ta’ Fleur de Lys sabiex ir-referi CJ Saliba ordna penalty.
Mill-ħdax –il metru kien Edward Vella li tefa’ l-goalkeeper naħa u l-ballun naħa oħra sabiex skorja l-gowl tal-bandiera għat-tim tiegħu.
B’din ir-rebħa, Marsa St Michael jħarsu b’ottimiżmu kbir għall-konfront jaħraq illi għandhom kontra Valletta St Pauls u jittamaw illi jkomplu għaddejjin tajjeb.
Skor finali: Fleur de Lys CFK 1 Marsa St Michael 4
Ir-referee kien CJ Saliba.
Il-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni
Valletta St Pauls, Marsa St Michael 21, Senglea Gunners 10, Fleur de Lys 4
Ritratt: Warren Sammut